Wednesday, October 9, 2024

L-edukaturi jibdew jibbenefikaw mill-Ftehim Settorjali l-ġdid

Aqra wkoll

Mas-salarju ta’ din il-ġimgħa, l-edukaturi se jibdew jibbenefikaw mill-pakkett finanzjarju tal-Ftehim Settorjali l-ġdid li ġie ffirmat bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Unjin tal-Għalliema (MUT).

Il-ftehim settorjali, li jinkludi titjib qawwi fid-dħul u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel pubbliċi, dawk tal-knisja u l-LSEs tal-iskejjel indipendenti, huwa riflessjoni tal-wegħda tal-Gvern li l-edukaturi għandu jkollhom titjib sinjifikanti fil-kundizzjonijiet tagħhom.

B’hekk illum għandhom l-aqwa ftehim li qatt kien iffirmat għall-edukaturi.

Ma’ dan is-salarju, dawk kollha li jaqgħu taħt dan il-ftehim se jieħdu pagament ta’ darba li jammonta għal €1,000.

L-għalliema li jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-settur tal-Primarja se jieħdu l-allowance ta’ €1,000 fis-sena b’effett lura mill-1 ta’ Jannar 2023 u pro-rata għal din is-sena. Wara, din l-allowance tibda tingħata fix-xahar.

Ma’ dan is-salarju se jingħataw ukoll:

·        il-First Aider allowance, li l-ammont tagħha se jkun aġġustat skont il-ftehim settorjali b’lura mill-1 ta’ Jannar 2023 u pro-rata għal din is-sena. Wara, din l-allowance tibda tingħata fix-xahar;

·        l-Ispecial Education Programme (SEP) allowance li l-ammont tagħha wkoll se jkun aġġustat skont il-ftehim settorjali b’lura mill-1 ta’ Jannar 2023 u pro-rata għal din is-sena. Wara, din l-allowance tibda tingħata fix-xahar;

·        ix-Shared allowance li l-ammont tagħha wkoll se jkun aġġustat skont il-ftehim settorjali b’lura mill-1 ta’ Jannar 2023 u pro-rata għal din is-sena. Wara, din l-allowance tibda tingħata fix-xahar;

·        l-edukaturi full-time tal-MAVC ukoll se jirċievu €1,000 skont il-ftehim settorjali b’lura mill-1 ta’ Jannar 2023 u pro-rata għal din is-sena. Wara, din l-allowance tibda tingħata fix-xahar.

Ma’ dan is-salarju, l-edukaturi se jkollhom inkluż ukoll noti u informazzjoni li jispjegaw it-tibdil u dak li qed jibbenefikaw minnu f’dan is-salarju.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tenna li dan il-ftehim settorjali se jfisser titjib qawwi fid-dħul u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi. “Dan il-ftehim fih żidiet fis-salarji għall-gradi kollha ta’ edukaturi. Huwa ftehim għal ħames snin u se jibda jgħodd bl-arrettrati sa mill-bidu tas-sena l-oħra sal-aħħar tal-2027”, qal il-Ministru Grima.

“Il-ftehim ma jinkludix biss titjib sinifikanti fil-pakkett finanzjarju, imma wkoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fl-avvanz fil-karriera b’aktar pass mgħaġġel. Dan kollu se jkompli jsaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi”, tenna l-Ministru Grima, filwaqt li mill-ġdid irringrazzja lill-edukaturi kollha tax-xogħol imprezzabbli li qed jagħmlu f’sistema edukattiva li qed tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru.

Sport