Saturday, December 21, 2024

L-edukaturi parti kruċjali fil-proġett tal-futur ta’ wliedna 

– Il-PM  Robert Abela jiltaqa’ mal-edukaturi fil-bidu ta’ sena skolastika oħra

Aqra wkoll

 “Nemmnu fl-edukaturi li huma parti kruċjali fil-proġett tal-futur ta’ wliedna u għalhekk l-investiment b’saħħtu fihom.” Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann, it-Tnejn filgħodu, fil-bidu ta’ sena skolastika oħra.

Il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, kif ukoll mill-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Klara Jonathan Attard u l-Kap tal-Iskola David Caruana seta’ jara l-aħħar preparamenti li kienu għaddejjin mill-edukaturi hekk kif l-iskejjel jilqgħu l-istudenti fil-jiem li ġejjin.

 Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-klassijiet u ħa l-opportunità wkoll li jpoġġi mal-edukaturi ta’ din l-iskola, fejn irringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu favur edukazzjoni tal-ogħla livell li jagħtu lill-istudenti kollha. “Għandna fiduċja b’saħħitha fikom l-edukaturi, u se nkomplu nappoġġjawkom biex tkomplu tagħmlu vjaġġ edukattiv mill-isbaħ lit-tfal tagħna”, kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru lill-edukaturi preżenti.

 Il-Prim Ministru semma wkoll it-tisħiħ li qed isir fis-settur edukattiv fosthom permezz tal-investiment li qed jsir fl-iskejjel, kif ukoll fir-riżorsa umana permezz tal-aqwa ftehim għall-edukaturi ffirmat fix-xhur li għaddew u li fisser żidiet b’saħħithom u kundizzjonijiet aħjar lill-edukaturi. Riżultat ta’ dan il-ftehim, fil-paga ta’ Ottubru, l-edukaturi li jaqgħu taħt il-ftehim settorjali l-ġdid se jaraw l-aġġustamenti fis-salarju tagħhom biż-żidiet il-ġodda.

Fis-sena skolastika l-ġdida madwar 8,200 edukatur se jkunu qed jgħallmu fl-iskejjel tal-Istat, filwaqt li t-total ta’ studenti li se jattendu għall-iskola fl-iskejjel tal-Istat huwa ta’ madwar 35,000 student. Fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann hemm 100 edukatur u madwar 570 student.

Ekonomija

Sport