Sunday, December 22, 2024

“L-edukaturi tas-snin bikrin mhumiex stmati u mħallsa biżżejjed”

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fil-GWU tindirizza disparità sostanzjali fil-pagi bejn l-edukaturi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-edukazzjoni bikrija hija l-pedament tal-vjaġġ edukattiv ta’ wliedna u għaldaqstant hija kruċjali għall-iżvilupp ħolistiku u akkademiku tagħhom. Minkejja l-investimenti li seħħu matul iż-żminijiet f’dan is-settur edukattiv, is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) xorta waħda temmen li għandu jingħata aktar prijorità. Ir-rappreżentant ta’ din is-sezzjoni, Gabriel Pulicino qal lil dan is-sit li l-edukaturi tas-snin bikrin mhumiex stmati u mħallsa daqs kollegi f’livelli oħra edukattivi bħall-Primarja u s-Sekondarja u dan għar-raġunijiet li m’hemmx opportunitajiet ta’ warrant u masters.

F’Malta l-edukazzjoni tas-snin bikrin tkopri minn trabi ta’ ftit xhur sa seba’ snin li jibdew fiċ-ċentri tal-kura tat-tfal, imbagħad ta’ tliet snin jibdew is-sentejn tal-Kindergarten u jkomplu sal-ewwel sentejn tal-Primarja. Sa l-età ta’ ħames snin l-edukazzjoni m’hiex obbligatorja iżda, huwa rrapportat li dawk it-tfal esposti għall-edukazzjoni bikrija huma aktar ippreparati għal-livell Primarju, kif ukoll jiksbu ħiliet oħra importanti fosthom rapporti ma’ tfal oħra, self help skills, għarfien ta’ kuluri, ittri u numri, kif ukoll qari.

Bla opportunità ta’ warrant

“L-ewwel investiment serju li għandna nibdew bih huwa fl-edukaturi nfushom. Sfortunatament l-edukaturi tas-snin bikrin mhumiex stmati daqs kollegi tagħhom f’setturi edukattivi oħra. Dan għax huma mħallsa ferm inqas u apparti minn hekk, dawn m’għandhomx l-opportunità li jieħdu warrant li tgħarafhom bħala professjonisti,” spjega Pullicino.

Filwaqt li saħaq li l-età bikrija hija żmien importanti ferm għall-iżvilupp tal-pedament tal-ħiliet tat-tfal, huwa qal li l-opportunitajiet fil-karriera tal-edukaturi responsabbli għat-tisħiħ tal-istess żvilupp tat-tfal żgħar, huma limitati ħafna.

Pullicino qal li, “edukazzjoni tajba f’dawn l-etajiet hija importanti u għaldaqstant dan is-settur edukattiv għandu jingħata aktar prijorità. Persuna li għandha baċellerat fil-kura u l-edukazzjoni fit-tfulija bikrija m’għandhiex l-opportunità li tkompli l-master li jiffoka biss fuq is-settur tas-snin bikrin. Din il-limitazzjoni twassalhom biex jagħmlu ‘Master in Teaching and Learning’ li jiffoka fuq is-snin Primarja u minħabba raġunijiet ta’ warrant u paga, jiddeċiedu li jaħdmu fil-Primarja”.

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni tal-GWU qalet li l-fatt li m’hemmx warrant permanenti u anke master speċifiku għas-snin bikrin, dan qiegħed jirriżulta f’disparita sostanzjali fil-pagi bejn l-edukaturi. Din id-differenza qiegħda toħloq emigrazzjoni ta’ edukaturi gradwati mis-settur taċ-childcare u tal-Kindergarten għal dik Primarja.

Differenza ta’ madwar €250 fix-xahar

Skont Pullicino, dan sfortunatament qiegħed iwassal għal dak li ngħidulu “brain drain” – meta jkollok nies ta’ esperjenza u għarfien li jitilqu minħabba limitazzjonijiet fil-karriera u differenza fi ħlas. Fil-fatt, bejn edukatur fil-Kindergarten u ieħor fil-Primarja d-differenza fil-paga hija ta’ madwar €250 fix-xahar, għaldaqstant hemm differenza medja ta’ €3,000 fis-sena. “In-nies tajbin u ddedikati qegħdin jitilqulek minn dan is-settur minħabba f’hekk. Hemm minnhom li jkunu jixtiequ jibqgħu imma ovvjament għal ftit studju ieħor, ma jaqblilhomx jibgħu f’dawn il-kundizzjonijiet,” saħaq ir-rappreżentant tas-sezzjoni tal-edukazzjoni fil-GWU.

“Għalhekk, jekk verament hemm rieda li ninvestu f’dawn l-etajiet ħalli noffru servizz tajjeb lit-tfal tagħna, irridu nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi li jaħdmu f’dan is-settur,” temm Gabriel Pullicino.

Ekonomija

Sport