Saturday, December 21, 2024

L-edukazzjoni b’investimenti fuq tliet binarji

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, dwar il-Budget 2021

Minn – CARMEN CACHIA

Is-settur tal-edukazzjoni kien wieħed minn dawk li ngħata l-importanza li ħaqqu fil-budget ippreżentat din il-ġimgħa u dan anke fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19. Inewsmalta.com tkellem mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, fejn qalilna li min segwa d-diskors tal-budget jaf li fejn tidhol l-edukazzjoni, il-Gvern Laburista huwa Gvern li jinvesti bis-saħħa f’dan is-settur. Din is-sena l-investiment sar fuq tliet binarji – investiment infrastrutturali, investiment fit-tagħlim online u investiment biex l-istudenti jkomplu jistudjaw.

“Għal sena oħra rajna li s-settur edukattiv jingħata l-importanza li tixraqlu fuq tliet binarji. L-ewwel binarju huwa marbut mal-investiment infrastrutturali għal skejjel aħjar,” beda l-Ministru Bonnici. Ftit tal-jiem ilu rajna l-ftuħ tal-Iskola Primarja tal-Qawra kif kien inwiegħed fil-budget tas-sena li għaddiet.    Rajna wkoll il-ftuħ tal-estensjoni ta’ Blokka tlieta fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, li hija l-blokka li tilqa’ fiha l-istudenti tas-snin Medji u x-xogħol miexi ġmielu fuq l-estensjoni tal-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija. Ddin tal-aħħar issa se jkollha wkoll faċilitajiet sportivi u sala.

Din is-sena wettaqna iktar milli wegħedna”

Barra minnhekk, sar ukoll it-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-Iskola Primarja tal-Imsida u l-Ministru tal-Edukazzjoni ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se naraw it-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex. Huwa fakkar li tlesta r-restawr tal-Iskola tal-Arti tal-Belt.

“B’din il-lista ta’ investimenti infrastrutturali fil-edukazzjoni, għandna xhieda ta’ kemm din is-sena wettaqna iktar milli wegħedna. Għas-sena d-dieħla se nkomplu għaddejjin bix-xogħol fuq Santa Lucija, l-Imsida u r-Rabat Għawdex u aktar. Semmejna, per eżempu, għall-budget ta’ din is-sena xogħol ta’ titjib maġġuri fl-Iskola Primarja ta’ San Gorġ f’Ħal Qormi u xogħol infrastrutturali ambizzjuż ħafna u sabiħ ħafna kemm fl-Università ta’ Malta u kif ukoll fl-MCAST,“ sostna Bonnici.

Huwa qal li din is-sena kienet sena ta’ suċċess fejn tidħol l-infrastruttura fil-qasam edukattiv u s-sena d-dieħla se tkun isbaħ u iktar ambizzjuża, fejn żied jgħid li, “bħalma għamilna din is-sena, 12-il xahar ieħor se nkunu qegħdin inħarsu lura u ngħidu bi kburija li wettaqna iktar xogħol infrastrutturali fl-iskejjel milli fil-fatt wegħedna”.

It-tieni binarju ta’ investiment fl-edukazzjoni huwa marbut dwar il-bżonn li jitkompla l-investiment fit-tagħlim online, mhux bħala sostitut tal-“in person” edukazzjoni (edukazzjoni fil-klassi), imma bħala xi ħaġa li tikkumplimenta l-esperjenza edukattiva.    “Aħna nemmnu li t-tagħlim fil-klassi huwa l-aqwa forma ta’ tagħlim, iżda t-tagħlim online jista’, speċjalment fl-etajiet il-kbar (post-sekondarji) ikun component tat-tagħlim li jagħmel ħafna sens.    Jagħmel ħafna sens ukoll f’ċerti korsijiet ta’ taħriġ għal min jaħdem u allura wara x-xogħol ikun jippreferi li jieħu xi kors online mid-dar.    Nemmnu li nistgħu nagħmlu ħafna ġid fir-regolamentazzjoni ta’ dan is-settur u fit-titjib ta’ dan is-settur,” spjega l-Ministru tal-Edukazzjoni.

Sena aċċess għall-internet bla ħlas għal min ikompli jistudja…

It-tielet binarju, imbagħad, huwa marbut mal-ħidma tal-Gvern biex ikompli jgħin lill-istudenti tagħna jistudjaw. Il-miżura li biha jingħataw aċċess għall-internet b’xejn għal sena waħda lil dawk l-istudenti li wara s-16-il sena jagħżlu li jkomplu jistudjaw, hija sabiħa ħafna. Il-Ministru Bonnici huwa persważ li se tagħmel ħafna ġid u qal li din hija miżura li turi bis-serjetà kif dan huwa Gvern għandu għal qalbu liż-żgħażagħ u l-avvanz tagħhom indipendentment mis-saħħa finanzjarja ta’ dak li jkun. Huwa jemmen li ħafna żgħażagħ se jilqghu b’mod pożittiv ħafna din il-miżura, li se tkun wegħda oħra elettorali mwettqa.

Fl-istess waqt irid ikompli għaddej ix-xogħol għat-tnaqqis tal-ammont ta’ żgħażagħ li jagħżlu li ma jkomplux jistudjaw. “Fl-aħħar snin sar xogħol tajjeb immens u se nkomplu għaddejjin b’iktar u iktar ħidma biex iktar żgħażagħ ikomplu fil-ħajja edukattiva.    Din is-sena li għadha kemm bdiet rajna iktar studenti jkomplu jistudjaw kemm l-Università u kemm l-MCAST u beħsiebna ninvestu iktar enerġija biex dan isir. Fil-budget iffokajna fuq żewġ oqsma importanti ħafna – l-qasam tal-awtiżmu u dak tal-litteriżmu,” spjega l-Ministru Bonnici.

Huwa jirringrazzja lill-edukaturi u ħaddiema fl-iskejjel tal-isforzi kbar li wettqu fl-aħħar ġimgħat u xhur biex uliedna setgħu jkomplu jmorru l-iskola jitgħallmu. “Grazzi kbira lill-ġenituri kollha u l-aħħar, imma mhux l-inqas… anzi l-ikta, lill-istudenti tagħna li tant nemmnu fihom u tant naħdmu għas-suċċess tagħhom,” temm il-Ministru.

Ekonomija

Sport