Is-Sindku ta’ Melitopol, Ivan Federov, sostna li r-reżistenza tal-poplu Ukren hija waħda li ħafna ma stennewx, inkluż ir-Russi. Huwa qal li jiftakar sew il-bidu tal-invażjoni li wara biss ftit jiem rathom jispiċċaw taħt ir-Russi. Sostna li minkejja li l-ħsieb tar-Russi kien li jieħdu l-pajjiż fi tlett ijiem, wara spiċċaw jistaqsu huma stess kif dan ma kienx possibbli. Huwa ħareġ bi tweġiba sempliċi dwar dan il-fatt u qal li l-poplu Ukren, inkluż l-awtoritajiet, irreżistew b’saħħa lir-Russi.
Federov innifsu spiċċa l-ħabs fil-11 ta’ Marzu u baqa’ f’faċilità kompletament kontrollata mir-Russi għal diversi ġranet sakemm il-gvern Ukren irnexxielu jagħmel skambju tiegħu ma’ sitt Russi maqbudin mill-Ukreni.
Rigward il-possibbiltà li l-Ukrajna terġa’ tirkupra l-bqija tat-territorji tagħha, Fedorov qal li hemm bżonn li dan iseħħ kemm jista’ jkun malajr anke minħabba l-edukazzjoni tal-Ukreni fejn għandek pilastru daqstant kruċjali li jinsab imxekkel mir-Russi li ħatfuh u qed jiffukaw il-propoganda tagħhom fuq dawk li qed jesprimu x-xewqa li jitgħallmu.
Dan hekk kif skontu, l-Ukreni li qed jaċċettaw li jieħdu edukazzjoni fi bliet maħkumin mir-Russi ftit li xejn għandhom għażla għal edukazzjoni li mhix dik skont l-propoganda tat-tmexxija l-ġdida fejn fost l-oħrajn qed jispiċċaw jiffukaw l-edukazzjoni tagħhom fuq l-Innu tar-Russja u l-pajjiż.