Saturday, December 21, 2024

L-edukazzjoni għal Malta ta’ għada

Aqra wkoll

Kull pjan soċjali u ekonomiku ta’ Gvern responsabbli u b’viżjoni ċara huwa msejjes fuq l-importanza tal-edukazzjoni. Huwa għalhekk li l-istrateġija nazzjonali għal wara l-pandemija, tinsisti fuq l-importanza tal-edukazzjoni bħala vejikolu kruċjali biex tassew infasslu l-Malta t’għada. Huwa għalhekk li l-Gvern nieda l-Politika Nazzjonali tax-Xogħol il-ġdida li biha ser jibda jaffronta din l-isfida. Din il-politika fiha pjan li bih ser ikun qed jgħolli l-valur tas-siegħa xogħol tal-ħaddiem Malti u Għawdxi. Dan ser isir billi jtejjeb il-ħiliet, joffri opportunitajiet ta’ taħriġ, jinċentiva lil dak li jħaddem u lill-ħaddiema nfushom biex itejbu l-ħiliet tagħhom. Kull viżjoni tisħaq fuq il-bżonn ta’ investiment fl-edukazzjoni biex kull individwu jtejjeb il-kapaċitajiet tiegħu, jingħata l-għodda kollha neċessarji biex ikun protagonist fil-Malta tal-lum u t’għada.

Huwa għalhekk ukoll li l-Budget 2022 jagħmel enfasi fuq l-edukazzjoni fosthom fuq l-importanza tal-upskilling. Dan qed isir primarjament permezz ta’ ċensiment nazzjonali tal-ħiliet tal-ħaddiema. Dan iċ-ċensiment ser ikun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu mhux biss f’pajjiżna iżda anke fl-Ewropa b’investiment totali ta’ €2 miljun. 

Il-gvern mar anke pass oltre billi nieda fond ta’ taħriġ, li għall-bidu ser ikun fih €2 miljun iżda mhux eskluż li jiżdied jekk ikun hemm bżonn, biex l-industrija stess tkun tista’ tħarreġ lill-ħaddiema bi programmi magħmula minnha. Inizjattivi li jirriflettu proposti mressqa mill-General Workers’ Union biex il-Jobsplus jibda jagħti servizz ta’ gwida fil-postijiet tax-xogħol sabiex ħaddiema jingħataw opportunità li jtejbu l-ħiliet tagħhom kif ukoll jiżiedu l-boroż ta’ studju u inċentivi oħra biex aktar ħaddiema jsegwu aktar studji u taħriġ professjonali. 

Għad baqa’ xi jsir? Sar ħafna, pero għad baqa’ ħafna xi jsir għax l-edukazzjoni hija proċess kontinwu li fih qatt mhu biżżejjed. Għad baqa’ aktar xi jsir għax dan il-pajjiż jiddependi mir-riżorsi umani. Għad baqa’ xi jsir għax pajjiżna bħalissa qed jesperjenza nuqqas ta’ ħaddiema f’setturi speċifiċi. Għad baqa’ xi jsir għax pajjiżna jrid ifassal l-pjan għal Malta tal-lum u ta’ għada.

Ekonomija

Sport