Saturday, December 27, 2025

‘L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għal kollox, u aħna bħala YFA qed nagħmlu pressjoni kbira fuqha’ – Stephanie Rocco

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Għal Stephanie Rocco, il-futbol qatt ma kien sempliċement logħba. Kien u għadu parti integrali mill-identità tagħha. Passjoni li bdiet minn meta kienet tifla żgħira ma’ missierha Twanny Rocco, kowċ rinomat fin-nurseries u mkabbra f’ambjent fejn il-futbol kien preżenti ta’ kuljum, u li llum wasslitha għal rwol kruċjali bħala Segretarju Ġenerali tal-Youth Football Association (YFA).

Aħna ħadna intervista ma’ Stephanie fejn tatna aktar informazzjoni dwar ir-rwol tagħha f’dan is-settur tant importanti għall-futbol lokali.

“Minn dejjem kont insegwi l-futbol,” tgħid Stephanie. “Missieri hu kowċ fis-settur tat-tfal u żgħażagħ, u jien trabbejt fil-grawnd, mit-taħriġ sal-logħob, dejjem miegħu.”

Missierha, Twanny Rocco, kif għidna kien u għadu figura magħrufa fil-youth football, u l-esperjenzi tagħha fit-tfulija kienu mimlija laqgħat ma’ nies differenti u ambjenti varji. Waħda mill-ewwel memorji tagħha hi n-Nursery ta’ Sliema mmexxija minn Gużi Fava, fejn bdiet tifhem li l-futbol mhuwiex biss dwar ir-riżultat, iżda dwar il-komunità u t-tfal.

Wara li lestiet mill-iskola, Stephanie kienet determinata li tagħmel xi ħaġa li mhux biss togħġobha, iżda li permezz tagħha setgħet tikkontribwixxi. “Kienet għażla naturali li nidħol fis-settur tal-futbol,” tgħid. L-ewwel pass tagħha kien fin-Nursery ta’ Hibernians, fejn bdiet taħdem mill-qrib ma’ tfal u kowċis. Hemmhekk, taħt il-gwida ta’ persuni bħal Norman Buckle u Salvu Gatt, ingħatat opportunitajiet li fetħulha orizzonti ġodda, inkluż esperjenzi barra minn Malta.

Minkejja li esperjenzat ambjenti differenti, Stephanie ħasset li xi darba kellha tirritorna lejn l-għeruq tagħha. “Meta kkuntattjawni Sliema Wanderers, ħassejt li ma stajtx ngħid le għax dan it-tim hu parti minni,” tispjega. Ir-ritorn tagħha lejn Sliema ma kienx biss simboliku, iżda wkoll prattiku għax kienet qed terġa’ tgħix il-valuri li ffurmawha. U għalkemm ix-xogħol amministrattiv kien qed isir dejjem aktar parti minn ħajjitha, hija tistqarr li qatt ma rat lilha nfisha limitata għal wara skrivanija. “Li nkun fuq il-grawnd jagħtini enerġija. Il-passjoni hija element kruċjali fix-xogħol tiegħi.”

Maż-żmien, Stephanie mxiet għal amministrazzjoni pura tal-youth football, qasam li ħafna drabi ma jidhirx, iżda li hu essenzjali. “Ir-rwol amministrattiv huwa kruċjali biex is-sistema taħdem,” tgħid. Fl-2015, permezz tal-elezzjoni tal-kunsill tal-YFA li dak iż-żmien kienet issir darba kull sentejn, ġiet innominata bħala rappreżentanta ta’ Sliema f’isem in-nurseries membri. Dak kien il-punt ta’ bidla: minn ħidma għal klabb wieħed, bdiet taħdem għall-interessi tal-pajjiż kollu.

Permezz tal-YFA, Stephanie ġiet esposta għal diversi oqsma mid-dixxiplina sal-iżvilupp tal-logħba. “Il-YFA mhix biss organizzazzjoni li torganizza l-kampjonati,” tispjega. “Hija entità li trid tħares lejn il-ġid tat-tfal, lejn l-edukazzjoni u lejn il-valuri.” Wara li Bjorn Vassallo nħatar President tal-MFA, waħda mill-proposti fil-programm ta’ ħidma kienet it-twaqqif tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol.  Proprju fl-2021, bdiet it-tranżizzjoni tal-kampjonati U15 u U17 mill-YFA għall-Fondazzjoni. F’dak il-perjodu, Fr Hilary Tagliaferro, li kien president tal-YFA, iddeċieda li jieqaf, u l-kariga mtliet minn Norman Darmanin Demajo waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Illum, il-YFA taħdem fuq numru kbir ta’ proġetti matul staġun sħiħ. Apparti l-element amministrattiv, l-assoċjazzjoni tieħu ħsieb festivals, attivitajiet ta’ responsabbilta’ soċjali u inizjattivi li jindirizzaw etajiet differenti. “Aħna naħdmu ma’ tfal taħt is-7 snin b’format adattat għall-età tagħhom, sa 12 -il sena.  Minn dan l-istaġun introduċejna wkoll festival għall-kategoriji ta’ taħt l-10 snin mifruxa fuq staġun sħiħ b’format ta’ league mhux kompetittiv,” tispjega Stephanie.

Wieħed mill-aktar avvenimenti importanti huwa l-festival annwali tal-Under 9, li jinvolvi ħidma loġistika estensiva mill-kuntatt man-nurseries, għall-bilanċ tal-logħob u l-organizzazzjoni fuq il-grawnd.

Ir-rwol ta’ Segretarju Ġenerali jista’ faċilment ikun kariga full-time, iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ix-xogħol isir wara l-ħin tax-xogħol normali. “Aħna nipproċessaw applikazzjonijiet ta’ livell grassroots, tfal li għadhom kif bdew fil-futbol,” tgħid. Illum, il-YFA għandha 48 nursery membru, u Stephanie tirrappreżenta lill-assoċjazzjoni fl-Eżekuttiv tal-MFA, fejn il-vuċi tal-youth football trid tinstema’.

Dwar il-proċeduri, Stephanie temmen li minkejja li xi kultant jidhru kumplessi, is-sistemi ġodda għenu. “Ir-reġistrazzjonijiet illum huma kollha online,” tispjega. “Is-sistema COMET, fil-fehma tiegħi, tnaqqas il-burokrazija u tgħin biex jiġu ssalvagwardjati kemm it-tfal kif ukoll in-nurseries, speċjalment meta jkun hemm kundizzjonijiet varji li jaffettwaw lit-tfal. Dan speċjalment fejn jidħol l-aspett mediku u t-tfal ikunu medically-fit to play”

Sfida kbira li l-YFA tosserva hi dik soċjali u finanzjarja. Kif spiss irrimarka Fr Hilary Tagliaferro, hemm każijiet fejn tfal ma jkunux jistgħu jattendu minħabba diffikultajiet finanzjarji jew familjari. “F’dawn is-sitwazzjonijiet, aħna nidejna l-inizjattiva ‘Live it with Love Fr Hilary Legacy’ fejn permezz tas-sapport minn intraprendituri lokali nkunu nistgħu nassistu lil dawn it-tfal,” tgħid Stephanie. “Il-futbol għandu jasal għand kulħadd.”

Tenfasizza li iktar ma jkun hemm sapport, iktar ikun hemm possibbiltà li dawn it-tfal jingħataw opportunità.

Il-ħidma tal-YFA tmur lil hinn mill-grawnd. Permezz ta’ kollaborazzjonijiet differenti, qed jiġu organizzati lectures ta’ prevenzjoni minn abbuż ta’ sustanzi, sessjonijiet interattivi fil-klabbs, u inizjattivi ta’ safeguarding biex it-tfal, il-familji u dawk li huma involuti mal-minuri jkunu aktar konxji sa fejn għandu jasal l-irwol tagħhom. “Bħala amministraturi, hemm linja li ma tinqabiżx,” tgħid Stephanie b’ċerta serjeta’.

Nikkollaboraw ukoll ma’ Dar Kenn għal Saħħtek f’każijiet ta’ tfal b’eating disorders, u naħdmu wkoll ma’ Special Olympics Malta u Frame Football sabiex il-logħba tal-futbol tassew tkun waħda inklussiva fost it-tfal. 

Illum, il-YFA tara r-rwol tagħha primarjament bħala wieħed edukattiv. “L-għan tagħna mhuwiex biss li norganizzaw, iżda li nedukaw,” tikkonkludi Stephanie Rocco. “L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għal kollox, u aħna bħala YFA qed nagħmlu pressjoni kbira fuqha. Irridu nuru lin-nies x’aħna nagħmlu u għaliex nagħmluh għax il-futur tal-futbol Malti jibda mit-tfal.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport