Saturday, December 28, 2024

L-edukazzjoni id f’id mad-diversi setturi f’pajjizna

Aqra wkoll

L-edukazzjoni hija l-proċess li tiffaċilita t-tagħlim, l-akkwist ta’ għarfien, ta’ ħiliet, ta’ valuri, apparti li wkoll tgħin fil-formazzjoni tal-persuna, u wkoll tagħti bażi tajba għal dak kollu li persuna jiltaqa’ magħha fil-ħajja ta’ kuljum. Imma hija wkoll ħafna aktar minn hekk. L-edukazzjoni hija parti importanti wkoll mas-setturi kollha li permezz tagħhom hija mibnija l-komunità.

U dan huwa magħruf sew mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, tant li nsibu lil dan il-ministeru parteċipi f’diversi setturi oħra.

Tkellima mal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici dwar dan. Huwa qalilna li, “L-edukazzjoni tilgħab rwol kruċjali fil-ħajja tagħna. M’hix biss l-istampa li tiġi f’moħħna, dik ta’ student bil-qiegħda fi klassi, jew ta’ edukatur faċċata ta’ klassi studenti, imma l-edukazzjoni għandha tifsira aktar wiesgħa. Hija l-bażi li nitilqu minnha u li tgħin l-għarfien f’diversi setturi oħra importanti f’ħajjitna”.

L-Edukazzjoni u x-Xogħol

Mhux ta’ b’xejn li dawn iż-żewġ setturi huma taħt saqaf wieħed, taħt ministeru wieħed, biex ngħidu hekk. Għaliex imorru id f’id. F’dinja moderna u aktar esiġenti qed naraw ukoll bidla fil-ħsieb tar-rabta li dawn iż-żewġ setturi għandhom bejniethom.

Filfatt il-Ministru Bonnici spjegalna dan. “Dawk li jfasslu l-politika f’ħafna pajjiżi, dawk li nsejħulhom policy makers, qed jirristrutturaw b’mod fundamentali l-modi kif iż-żgħażagħ u l-adulti jippreparaw għax-xogħol, biex jagħmlu użu aktar effettiv tar-riżorsi limitati, jespandu l-opportunitàjiet, jgħinuhom itaffu l-faqar u fuq kollox jindirizzaw it-talbiet tal-ħiliet iġġenerati minn ekonomija globali li dejjem qed tkun aktar esiġenti.”

F’pajjiżna dan huwa msarraf fit-tagħlim vokazzjonali. Irridu mmorru ‘l hinn mill-idea tal-one size fits all. U għalhekk qed ikun hemm investiment qawwi f’ laboratorji ta’ suġġetti VET (Vocational Education and Training) – f’dawn l-aħħar sentejn kien hemm €10 miljun investiti f’laboratorji għal dawn is-suġġetti. Kif qalilna l-Ministru Bonnici, s-sistema edukattiva tagħna trid tkun sistema li toffri alternattivi għall-istudenti tagħna, biex inkompu noħorġu l-kompetenzi u l-ħiliet differenti li kull student mingħajr eċċezzjoni, huwa tajjeb fihom.

L-Edukazzjoni u l-Kultura

Bla dubju l-edukazzjoni hija parti mportanti wkoll fil-qasam kulturali. Il-kultura hija l-vina ta’ soċjetà, li teħtieġ li tiġi kkonservata. Hija funzjoni importanti tal-edukazzjoni li tgħin fil-preservazzjoni tal-kultura jew tal-wirt soċjali. U huwa għalhekk li l-edukazzjoni, tgħin fit-tkattir tat-tradizzjonijiet, id-drawwiet, il-valuri, l-arti, il-kultura b’mod ġenerali, billi tistimula l-imħuħ tal-istudenti tagħna.

“Aħna nemmnu bis-sħiħ fl-edukazzjoni f’dan il-qasam. U bl-isfond tar-responsabiltajiet li kelli meta kont responsabbli minn dan is-settur, nagħti appoġġ sħiħ lill-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna fl-organiżazzjoni ta’ avvenimenti kulturali. U wkoll nagħtu kull opportunità possibbli biex l-istudenti jimirħu fil-kultura tagħna fid-diversi aspetti tagħha”, spjegalna l-Ministru Bonnici.

Għalhekk rajna li fil-jiem li għaddew tnedew l-applikazzjonijiet għall-programm Culture Pass 2020-2021, programm b’investiment ta’ €200,000 u li huwa ntiż li joffri opportunità oħra biex produtturi kulturali joħolqu produzzjonijiet u attivitajiet artistiċi speċifikament immirati lejn iż-żgħażagħ u t-tfal waqt is-sena skolastika.

Il-Programm ‘Culture Pass’ ra l-bidu tiegħu fl-2016 u kull sena l-Gvern baqa’ jinvesti f’dan il-programm għaliex jagħraf l-importanza tal-element kulturali fil-programm edukattiv ta’ pajjiżna. Matul dawn is-snin huwa stmat li dan il-programm laħaq 86,000 student.

Ftit ilu rajna wkoll il-programm Trikki Trakki, festival tat-teatru organizzat minn Teatru Malta biex joffri liż-żgħażagħ l-opportunità li joħolqu teatru taħt il-gwida u l-għarfien espert ta’ professjonisti fil-qasam.

Ta’ min isemmi wkoll id-diversi ħarġiet kulturali u wkoll attivitajiet kulturali li jittellgħu fl-iskejjel tagħna.

L-Edukazzjoni u l-Ambjent

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikun hemm rabta bejn l-edukazzjoni u l-ambjent li ngħixu fih. Dan huwa suġġett li llum-il ġurnata qed jingħata importanza kbira fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi fil- pajjiż. Il-Ministru Bonnici fakkarna kif fost l-ewwel impenji tiegħu meta ħa r-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru, kienet propju żjara li kien għamel lil FEE Fest, avveniment fuq tlett ijiem organizzat minn Nature Trust fil-Hub għall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-fiera tipprovdi opportunità lill-istudenti biex jitgħallmu dwar l-ambjent mill-preżenza ta’ bosta entitajiet li jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti relatati mal-edukazzjoni ambjentali u mal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli. Din il-fiera hija organizzata bħala parti mill-programm EkoSkola.

Anki t-tema magħżula din is-sena għal Skolasajf hija marbuta mal-ambjent – My Planet, My Home. Tema li qed tfakkar lit-tfal dwar is-sbuħija tan-natura, u dwar l-obbligu tagħna li nieħdu ħsieb id-dinja bħala d-dar tagħna. L-attivitajiet ifakkru wkoll dwar il-ġid komuni li jgħaqqadna, u dwar l-importanza li nieħdu ħsieb xulxin, għaliex kull wieħed u waħda minna jiddependi fuq ħaddiehor.

Dwar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qalilna li, “Inħasset il-ħtieġa ta’ din it-tema biex tirrifletti l-bżonn li nkunu ċittadini responsabbli li għandna nieħdu ħsieb id-dinja, il-pjaneta li ngħixu fiha. Hija din ir-responsabbiltà li permezz tagħha jkollna l-privileġġ li nibqgħu ngħixu b’mod sigur għaliex dinja sȃna tirrifletti l-futur tagħna bħala cittadini sȃni”.

Huwa għalhekk li s-settur tal-edukazzjoni huwa mux biss importanti, imma wkoll qed dejjem jingħata importanza minn dan il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Qed naraw il-wegħdi li ngħataw minn dan il-Gvern permezz tal-manifesti elettorali jiġi mwettqa, imma wkoll qed naraw lil dan il-Ministeru jqum għal kull okkażjoni li titfaċċa minn żmien għal żmien.

L-importanti, kif qalilna l-Ministru Bonnici, hija li b’mod ħolistiku naraw li l-esperjenza tal-istudenti u l-edukaturi tagħna tkun waħda mill-isbaħ, fl-isbaħ żmien ta’ ħajjitna – dak meta nkunu fuq il-bankijiet tal-iskola. Żmien li mhux biss it-tfal tagħna jkunu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, imma wkoll żmien li naraw li nagħtuhom dan it-tagħlim mifrux fuq is-setturi kollha li jiffurmaw is-soċjetà tagħna.

Edukazzjoni li tolqot id-diversi setturi f’pajjiżna

Il-mira hija li s-settur edukattiv ikompli jixref il-pontijiet mad-diversi setturi f’pajjiżna biex tissaħħaħ il-ħidma u tikber is-sinerġija. B’dan il-mod il-futur ta’ pajjiżna jkompli jkun isbaħ u uliedna u ulied uliedna jingħataw iktar ħiliet li hemm bżonn fid-dinja tal-lum u t’għada.

Ekonomija

Sport