Saturday, May 18, 2024

L-edukazzjoni milquta

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Sar ħafna diskors dwar laqgħat bejn ħafna nies, “ta’ massa” – dwar jekk għandhomx jitħallew isiru jew le.

L-isfida tmur lil hinn sew mis-sempliċi negozju; forsi dik l-anqas waħda mqabbla ma’ oħrajn, għax tolqot id-dinja ekonomika li “mdorrija” terġa tinġabar wara li tkun indaħnet. Setturi oħra huma aktar fraġli għadilli importanti daqs l-ekonomija, anzi aktar.

Bħall-edukazzjoni. Niddubita kemm jistgħu jibqgħu jinżammu lura l-laqgħat “ta’ massa” bl-għeluq tal-iskejjel. Id-dannu lill-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ qed ikun enormi. Biss, jeżistu metodi li bihom f’dawn il-laqgħat “ta’ massa”  mhux ta’ divertiment, imma ta’ ħtieġa soċjali, l-impatt infettiv possibbli jittaffa, anzi jitrażżan. It-tħejjijiet għal hekk iridu jsiru minn issa, billi jinħarġu r-regoli ta’ imġiba u billi jinżammu – għat-tmexxija tal-klassijiet, btieħi, toilets, laboratorji, canteens u mhux l-anqas mezzi ta’ trasport ta’ studenti.

Irrid naħseb li dawn it-tħejjijiet ilhom għaddejjin bil-qawwi sa minn ġimgħat ilu… mill-Ministeru tal-Edukazzjoni sat-tmexxija tal-iskejjel primarji u sekondarji, kif ukoll tal-kulleġġi terzjarji inkluża l-Università. Stħajjilt li se tintuża publiċità qawwija matul is-sajf biex jitwasslu lil kulħadd il-messaġġi dwar kif se jitħaddmu l-affarijiet.

Kelli żball. Il-publiċità dwar ħidmiet edukattivi qed tingħata lil suġġetti oħra.

POLITIKANTI U KITTIEBA 

Bħal ma dejjem kienet il-letteratura f’pajjiżna, il-politika saret titqies bħala passatemp.

Biżżejjed “tibbrilla” fuq Xarabank, ikollok il-parola facile, kif igħidu, u titqies baħbuħ min-nies. Jekk tkun qattajt ħajtek f’xi professjoni tradizzjonali mingħajr ħadt sehem fil-ħidma regolari ta’ partit jew tal-komunità… bl-eċċezzjoni forsi ta’ xi każin tal-banda jew tal-futboll, fejn fuq kollox ridt turi kemm int baħbuħ… allura aħjar. 

Dan kollu jagħtik il-kredenzjali biex taspira għall-aqwa karigi. Jekk min jinsab fl-aqwa kariga wasal fiha għax kellu dawn il-kredenzjali, biex twaqqgħu, siblu xi ħadd li għandu bħalhom, kif jiġri f’kull passatemp.

ARTISTI MALTIN

F’gazzetta lokali baqgħet tidher sensiela tassew interessanti ta’ artikli miktuba minn Joe Agius dwar pitturi “moderni” Maltin. Huma miktuba tajjeb, fil-qosor, u meħuda flimkien, jagħtu panorama effettiva ta’ kif żvolġiet ix-xena artitstika Maltija fl-aħħar mitt sena. Fis-sensiela, artisti bħal Cremona, Esprit Barthet, Mangion u oħrajn diġà ġew ittrattati b’mod li wera x’kellhom tajjeb mingħajr l-użu ta’ diskors tekniku li jiftiehem biss minn dawk midħla tal-arti viżiva.

L-għażla mbagħad ta’ ritratti tax-xogħlijiet mill-artisti differenti saret bi ħsieb.

Eżerċizzju bħal dan fil-preżentazzjoni “popolari” tal-arti Maltija jixraqlu li ma jibqax bejn il-folji ta’ gazzetta imma jinħareġ fi ktieb fejn il-kitba tidher b’aktar minn ilsien wieħed, ċertament bil-Malti u bl-Ingliż, imma għaliex mhux ukoll f’aktar ilsna?

Sport