Saturday, December 21, 2024

L-EDUKAZZJONI PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Ilna ma nitkellmu dwar is-settur tal-Edukazzjoni. Imma fil-qasam edukattiv ix-xogħol għaddej ġmielu. F’dawn il-ġimgħat rajna diversi inizjattivi u wkoll skemi li tnedew u li fl-aħħar mill-aħħar se jibbenefikaw minnhom uliedna. L-istudenti tagħna.

Nemmnu li fis-settur edukattiv rajna innovazzjonijiet li għelbu kompletament din l-isfida. Illum-il ġurnata daħlet sew il-kelma onlajn. F’dan is-settur id-dispożizzjoni ta’ dawk kollha involuti rajnieha tati l-frott tagħha biex l-istudenti komplew għaddejjin, b’differenza, l-edukazzjoni tagħhom.

Imma ħadna gost ninnutaw li meta tnieda l-prospett tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, dak li nafuh bħala Lifelong Learning, hemm korsijiet li jingħataw ukoll onlajn, tkomplija ta’ li sar waqt il-pandemija. Dan ifisser li s-sistema ħadmet, iva dejjem trid tisaħħaħ, imma wasalna biex anki f’dawn il-korsijiet dawk interessati jistgħu jsegwu dak li jixtiequ jitgħallmu permezzi tat-teknoloġija tal-informatika.

Aktar benefiċċji għall-istudenti li nnutajna kienu l-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC għall-istudenti bi preparamenti għall-eżamijiet li se jsiru f’Settembru. Qatt m’huwa tard fid-dinja, la li titgħallem – qed ngħidu għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u wkoll biex student jistinka ħalli jtejjeb marka ta’ eżami jew ukoll jegħleb sfida biex jilħaq it-tragward li jkun jixtieq.

Aħna dejjem qbilna wkoll li ma tistax titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda. Anki hawn, fejn jidħlu l-istudenti dan insostnuh. U għalhekk ningħaqdu mal-poplu kollu fl-apprezzament li dan il-gvern, permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, jara li jkun hawn opportunitajiet ta’ studju – li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefika minnu s-settur tax-xogħol – li jkun imsejjes fuq dak li jkun jeħtieġ is-suq. U skont l-abbiltajiet varji tal-istudenti.

Minn dak li qed naraw f’dan is-settur, fl-eqqel tas-Sajf meta jkun hemm pawsa naturali minħabba l-elementi tal-istaġun, qed naraw settur li jipprometti sew. Qed nistennew bil-ħerqa l-ħidma għall-benefiċċju tal-istudenti tagħna meta l-bibien tal-iskejjel jerġgħu jiftħu għas-sena skolastika li jmiss.

Ekonomija

Sport