Saturday, December 6, 2025

L-EFFETT TAL-MIDJA SOĊALI FUQ IT-TFAL 

Aqra wkoll

Jekk inħarsu lura lejn is-snin riċenti biex naraw kif żviluppaw il-mezzi tal-midja soċjali f’pajjiżna, ikun tajjeb li nagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni li qiegħda tiżviluppa b’ritmu mgħaġġel, bit-tajjeb u l-ħażin, fis-soċjetà tagħna minħabba l-impatt, f’ħafna każi sproporzjonat u pussessiv li l-midja soċjali sar għandha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum tan-nies.

Il-midja soċjali, bħal donnu, saret vizzju qawwi li qiegħed jaffettwa bil-kbir u ħafna drabi b’mod negattiv ir-relazzjonijiet inter-personali tan-nies. Minkejja dan ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li inreggħu l-arloġġ lura għaż-żminijiet meta ma kienux jeżistu dawn il-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Huwa kollu minnu li jekk użati tajjeb, dawn il-mezzi elettroniċi joffru ħafna vantaġġi u jagħmlu ħafna ġid. Daqstant ieħor huwa ta’ ħsara l-użu ħażin tagħhom, f’xi waqtiet anki b’konsegwenzi gravi. Dan ma jgħoddx biss fuq livell individwali iżda ukoll fuq livell nazzjonali u internazzjonali b’allegazzjonijiet u maniġġi li jċajpru l-imħuħ saħansitra anke b’għanijiet li jinfluwenzaw ċertu deċiżjonijiet kruċjali u sensittivi.

Kien għalhekk li l-Gvern nieda Green Paper li permezz tagħha, qiegħed jipproponi li jiġi ristrett l-aċċess tal-midja soċjali għal tfal taħt it-13-il sena. Qiegħda ssir ukoll proposta biex ikunu kkunsidrati mekkaniżmi ta’ sorveljanza u infurzar f’kollaborazzjoni mal-ġenituri.

Naqblu li dan kollu qed isir wara li x-xahar li għadda tħabbar it-twaqqif ta’ kumitat tekniku li se jkun qed iħejji rapport b’rakkomandazzjonijiet dwar l-informazzjoni li se tkun qiegħda tinġabar waqt il-konsulatzzjoni li se titnieda.  

Aħna m’aħniex l-uniku pajjiż li se nieħdu passi f’dan ir-rigward. Fil-jiem li għaddew il-gvern tal-Awstralja ħa id-deċiżjoni li tfal ta’ eta inqas minn 16-il sena ma jistax ikollhom ‘kont’ fuq  il-midja soċjali. Huwa stmat li hemm xejn inqas minn 150,000 minn dawn il-kontijiet fuq Facebook u 350,000 ieħor fuq Instagram li se jkunu affettwati. 

F’pajjiżna saru kampanji edukattivi u tniedew xi servizzi oħra wkoll ta’ appoġġ biex jippruvaw jilqgħu għal gwaj li dawn il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jistgħu jikkawżaw meta sfruttati b’mood qarrieq.

Aħna, filwaqt li naqblu ma kull miżura li tittieħed bil-għan li tipproteġi lin-nies, partikularment lit-tfal, mill-ħażen li jista jitwettaq permezz tal-midja soċjali, nawguraw li is-sena li ġejja, tkun sena oħra ta’ ħidma fejjieda għal poplu Malti u fiha naraw wkoll proposti legislattivi tajbin anke fil-qasam tal-midja soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport