Friday, February 13, 2026

L-EFFETTI TAT-TIBDIL FIL-KLIMA

Aqra wkoll

It-tibdil fil-klima li qed naraw iħalli konsegwenzi globali serji, mhijiex aktar kawża naturali. Dan anke huwa kkonfermat minn studji u riċerki xjentifiċi minn esperti internazzjonali li ta’ kull darba jixħtu l-ħtija tal-kriżi klimatika fuq l-għemil tal-bniedem. 

Minkejja dawn il-provi konkreti kollha, bosta gvernijiet, l-aktar dawk tad-dinja Għarbija, jidher li ma jirrikonoxxux li t-tibdil fil-klima issa huwa realtà. Tant li għadhom mhux biss jiddefendu imma wkoll jinvestu fl-użu u l-bejgħ tal-fjuwils fossili. Konvenjentement, jidher li dawn ma jemmnux – għax għandhom skopijiet ekonomiċi – li l-fjuwils fossili huma l-għeruq tat-tibdil fil-klima u allura l-prim ingredjenti għall-kriżi klimatika dinjija. 

Pajjiżna wkoll qed iħoss l-effetti tat-tibdil fil-klima, li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jaggravaw u jsiru aktar severi u spissi. Il-maltempata Harry, li esperjenzat in-naħa t’isfel tal-Ewropa, inkluż Malta, hija prova tal-bidla li qed issir fil-klima li x’aktarx qed twassal ukoll għall-bidla fil-mod kif ngħixu u kif niffaċċjaw dawn l-isfidi fil-ġejjieni li l-ispiża finanzjarja tagħhom ma tistax tkun antiċipata.

Il-maltempata riċenti, għalkemm għadhom qed isiru l-evalwazzjonijiet tal-ħsarat li ġew ikkaġunati, diġà qed jingħad li l-ispiża għat-tiswija ta’ fejn saret il-ħsarat se tilħaq il-miljuni ta’ ewro. Din hija spiża addizzjonali għan-nefqa rikorrenti tal-Gvern.

Fil-kwistjoni tat-tibdil fil-klima kulħadd għandu rwol effettiv x’jilgħab. M’għandux ikun il-Gvern biss imma wkoll il-komunitajiet, in-negozji u anke l-investituri li jixprunaw inizjattivi favur l-ambjent. Dan ukoll fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jittieħdu għat-trażżin tat-tniġġis u għaldaqstant, għat-tibdil fil-klima. 

Tul dawn l-aħħar xhur, l-awtoritajiet lokali ma qagħdux b’idejhom fuq żaqqhom imma anke ttieħdu passi biex jitwaqqaf għall-ewwel darba l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima sabiex il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b’mod aktar aħjar u effiċjenti. 

Aħna konvinti li dawn il-miżuri min-naħa tal-awtoritajiet lokali se jibqgħu jintensifikaw biex nilħqu l-miri ambjentali tagħna bħala pajjiż Ewropew. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport