Saturday, August 16, 2025

L-EFFIĊJENZA TAL-PARLAMENT MALTI

Aqra wkoll

L-effiċjenza ta’ kull parlament f’demokrazija titqies minn kemm l-istess istituzzjoni tadotta liġijiet tul leġiżlatura sħiħa. Dan jgħodd ukoll għall-Parlament tagħna fejn skont l-Ispeaker Anġlu Farrugia tagħna huwa l-aktar effiċjenti fiż-żona Ewro. Dan huwa sostnut mill-fatt li minn Ottubru sa qabel aġġorna għall-btajjel tas-sajf, saru 115-il seduta li matulhom ġew approvati 41 abbozz ta’ liġi. 

Minkejja li l-Parlament wera din l-effiċjenza, ta’ min jistaqsi jekk hemmx lok għal titjib ta’ din l-istituzzjoni hekk essenzjali u kruċjali għaż-żamma tad-demokrazija parlamentari. In-nies kulma jridu jaraw hi serjetà u responsabbiltà assoluta minn dawk eletti biex jirrappreżentawhom. U hawnhekk nirreferu għall-privileġġ parlamentari u l-effettività fis-sistema tagħna. 

Dan qed ngħiduh mhux b’animu kontra jew bi ħsieb li jitneħħa l-privileġġ parlamentari, imma biex ikun garantit illi dak li jingħad fil-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, ikun veritiet u bbażat fuq il-fatti u mhux fuq l-għajdut u l-qlajjiet. Għalhekk il-poplu jistenna illi r-rappreżentanti tiegħu jkunu responsabbli f’għemilhom u f’dak li jgħidu. 

Huwa rikonoxxut ukoll il-ħtieġa li jiġu aġġornati u modernizzati l-istanding orders li jiggvernaw ir-regoli u l-ħidma tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Għandna għax nifhmu li diġà nħatar Kumitat biex jifla x’aġġornamenti hemm bżonn jiġu inkorporati. Nittamaw li l-aġġornamenti li jridu jsiru se jkunu intenzjonati li jtejbu l-operat mhux biss tal-Parlament imma se jagħtu aktar faċilità lid-Deputati li jwettqu l-ħidma parlamentari tagħhom.

Ir-riforma li qed issir u l-ħidma parlamentari li twettqet iġibu fix-xejn il-kritika inġusta li ssir kemm fuq l-Ispeaker u anke fuq diversi Ministri. Dan qed ngħiduh fis-sens li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ spiss tilmenta u titlob rulings mis-Sedja għax skont hi mistoqsijiet parlamentari li tagħmel mhux qed jiġu mwieġba. 

L-Oppożizzjoni enfasizzat li hemm ftit aktar minn 1,000 mistoqsija parlamentari x’jiġu mwieġba. Iżda ma semmietx li minn 30,155 mistoqsijiet parlamentari sottomessi, minnhom ġew imwieġba 28,814. Dan ma jagħtix kredibiltà lill-Oppożizzjoni meta tressqet ilmenti ta’ din ix-xorta.

Għalhekk għandna fiduċja li r-riforma parlamentari li se ssir ma tagħtix lok għal ilmenti frivoli jew bla bażi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport