Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa kienu jieħdu ħsieb is-saħħa u sbuħija
L-industrija tal-isbuħija nbniet fuq diversi prattiċi Eġizzjani. Ħafna jafu kemm Cleopatra kienet magħrufa għal vanità tagħha iżda huwa fatt li anke l-irġiel ta’ dik l-epoka kienu persuni li jpoġġu s-saħħa u sbuħija bħala prijorità.
L-isbuħija ta’ dik iż-żmien ma kinitx limitata għall-irtokk biss iżda kienu jieħdu ħsieb il-kura tal-ġilda, xagħarhom, tqaxxir ta’ suf b’mod naturali, fost l-oħrajn.
Banju fil-ħalib u għasel
Huwa proprju affaxxinanti kemm il-beauty regime ta’ Cleopatra kien avvanzat għal dik l-epoka. Hija ma kienetx magħrufa biss għall-irtokk estravaganti tagħha biss. Huwa magħruf li hija kienet tieħu banju fil-ħalib tal-ħmir, bl-għasel u essential oils. Skont rapporti ta’ persuni li studjaw l-istorja, anke meta kienet tkun fuq btala u waqt xi vjaġġi, kienet iġġorr magħha l-ħmir.
Jidher li dan il-banju kien jintuża bil-għan li żżomm il-ġilda żagħżugħa.
Il-ħalib għandu fih l-alpha-hyfrocy acid (AHA) jew aħjar lactic acid li jintuża f’diversi prodotti ta’ sbuħija biex jippenetra s-saffi ta’ fuq tal-ġilda u li dan għaldaqstant ineħħi ċ-ċelloli mejta. Dan il-proċess, imsejjaħ exfoliation, jistimula r-riġenerazzjoni ta’ ċelloli ġodda.
Madanakollu l-għasel huwa ta’ benefiċċju kbir għaliex huwa sors anti-batterjali naturali u jgħin jikkontrolla u jfejjaq xi irritazzjoni fil-ġilda filwaqt li jipproteġi l-ġilda kontra xi effetti li huma kkawżati mill-ambjent tal-madwar bħal mhu t-tniġġiż.
Xagħar simboliku
Ix-xagħar għall-eġizzjani kien jissimbolizza l-istatus, is-saħħa, il-fertilità, motherhood u jekk intix sinjur/a.
L-eġizzjani huma meqjusa bħala pijunieri tal-kura tax-xagħar u l-użu revoluzzjonarju tal-castor oil. Il-Castor oil, magħruf ukoll bħala Rincinus Oil, huwa tip ta’ żejt estratt miż-żrieragħ tal-castor beans. Dan it-tip ta’ żejt huwa magħmul fl-Indja u l-Brazil u kkunsmat l-aktar fl-Istati Uniti.
Minkejja li dan is-sors jintuża ħafna għall-manifattura, fosthom għal reżin, tipi ta’ plastiku, fibri, verniċ u aktar fost l-oħrajn, huwa magħruf għall-benefiċċji estensivi tiegħu. Il-castor oil ilu jintuża għall-użu mediċinali sa minn 3,500 sena ilu.
Madanakollu, l-Eġizzjani kienu jagħmlu użu mill-castor oil biex isaħħaħ ix-xagħar filwaqt li jingħad li jgħin biex ikabbar ix-xagħar.
Extensions fiż-żmien tal-Eġizzjani
Cleopatra, li għal darb’oħra nistgħu nqisuha bħala trend-setter. Riċerkaturi sabu karkassi ta’ persuni Eġizzjani bl-extensions tax-xagħar li minn riċerka sabu li kienu miż-żminijiet 3400 BC. Dawn il-biċċiet addizzjonali kienu jwaħħluhom ma’ xagħrom b’glu naturali li kienu jestrattawhom minn wax ta pjanti, siġar u saħansitra miż-żnażan.
L-aktar kuluri komuni li kienu jużaw għal dawn l-extensions kienu blu, aħmar u gold. Diversi xnigħat jgħidu li l-kulur favorit ta’ Cleopatra kien il-blu.
Apparti minn hekk, f’din iċ-ċivilizzazjoni kienu jagħmlu xarhom f’malji biex jindikaw l-età, ir-religjon u kemm għandhom flus. L-unika nies li setgħu jaffordjaw dawn l-extensions kienu nies li kienu sinjuri, bħal faraoni, rejiet u rġejjen.
Tajjeb li wieħed isemmi li l-irġiel kienu jagħmlu użu minnhom ukoll. Ħafna drabi kienu jqaxxru xarhom kollha biex jagħmluhom f’parrokki li jistgħu jilbsuhom meta jkollhom aptit.
Deheb mal-ġilda
Id-deheb ma kienx jintuża biss għall-oqbra jew aċċessorji biss iżda kien jintuża għal fuq il-ġilda. Fl-Eġittu, id-deheb kien magħruf għal proprjetajiet kurattivi. Din id-drawwa għadha teżisti sa’ llum stess.
L-użu taċ-ċomb bħala rtokk
Il-Kohl huwa trab iswed li huwa magħmul minn galena mfarrak,tip ta’ mineral, derivattiv taċ-ċomb, li jinstab fil-viċinanzi tax-xmara Nil. Minkejja li ċ-ċomb huwa sors perikoluż, l-eġizzjani kienu jipproċessaw u jiffiltraw il-minerali għal 30 jum qabel ma’ jibdew jużawh.
L-użu tal-kohl, li kien jintuża miż-żewġ sessi, kien popolari l-aktar biex jagħmlu linji mad-dawra tal-għajn. Minkejja li llum il-ġurnata l-eyeliner jintuza bħala rtokk, qabel l-eġizzjani kienu jużawh biex jipproteġu l-għajnejn mix-xemx qalila tad-deżert.
Din l-użanza kienet tintuża ukoll bħala superstizzjoni għax kienu jemmnu li dan kien jipproteġihom kontra l-għajn (Evil Eye).
Riċerka turi wkoll li dan il-mineral kien jintuża wkoll bħala sors antibatterjali.