Sunday, November 24, 2024

L-EKONOMIJA F’PAJJIŻNA: QABEL U WARA L-ELEZZJONI ĠENERALI

Aqra wkoll

Miktub minn Professur Philip von Brockdorff – Vici-Dekan, Fakultà tal-Ekonomija, Accountancy u Management 

Għadda kważi xahar mill-elezzjonijiet generali u kif kien mistenni l-Partit Laburista rebaħ b’maġġoranza akbar minn din tal-2017. Kif kien mistenni mhux biss għax is-surveys kien ilhom juru l-Partit Laburista kellu maġġoranza numerika kbira iżda wkoll minħabba l-mod kif il-Gvern mexa waqt il-pandemija fejn instab bilanċ bejn is-saħħa pubblika u l-attività ekonomika. 

Dak il-bilanċ kien kruċjali biex l-ekonomija ma tidħolx fi kriżi li kien jagħmel l-irkupru ekonomiku ferm aktar diffiċli milli effettivament irriżulta. Barra minn hekk, il-miżuri li daħħal il-Gvern biex isalva l-impjiegi permezz tal-wage supplement kif ukoll l-għajuna lin-negozji, permezz tal-COVID-19 Skema ta’ Garanzija, kienu determinanti biex pajjiżna jevita kriżi ekonomika u li eventwalment kienet twassal għal dik soċjali. 

Naturalment dan kollu fisser impenn finanzjarju qawwi li wassal biex is-surplus fil-finanzi pubbliċi li kien reġistrat fis-snin ta’ qabel il-pandemija jinbidel f’defiċit. Inevitabbilment, id-dejn pubbliku kellu jiżdied. Il-Gvern ma setax jagħmel mod ieħor fiċ-ċirkostanzi u kien pass li segwa d-deċiżjoni li l-Unjoni Ewropea ħadet biex tissospendi r-regoli tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir Ekonomiku. 

Dan il-pass kien jirrifletti żewġ fatturi li ggwidaw l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti: (i) għarfien li l-politika li mxiet biha l-Unjoni Ewropea waqt il-kriżi finanzjarja fl-2009 u 2010 ġabet magħha piżijiet socjali kbar b’konsegwenza tal-miżuri ta’ awsterità li ttieħdu dakinhar u dan wassal biex din il-politika tkun skartata; u (ii) għarfien li f’mument ta’ kriżi minħabba pandemija globali kien jagħmel aktar sens li jittieħdu miżuri li jgħinu lill-ħaddiema u negozji milquta mill-miżuri restrittivi minħabba l-pandemija. 

Din il-politika tista’ tgħid hi imnebbħa mill-ħsibijiet tal-ekonomista John Maynard Keynes li emmen li l-istat għandu jassumi rwol aktar determinanti meta pajjiż ikun iffaċjat minn kriżi. Dan ma jfissirx li l-miri għal stabbilità fil-finanzi pubbliċi ma jibqgħux jgħoddu. Xejn minn dan, iżda hu fatt li għal numru ta’ snin ir-rwol tal-istat fit-treġija ekonomika ma baqax daqshekk determinanti daqs kemm inħass waqt il-kriżi li ġabet magħha l-pandemija. Kien f’dan l-isfond li l-gvernijiet fl-Unjoni Ewropea inkluż f’Malta għażlu li jintervjenu b’mod dirett biex ikunu salvati l-impjiegi u negozji kif ukoll biex jittieħdu inizjattivi biex jistimulaw l-ekonomija. 

Din il-politika ekonomika wasslet biex f’pajjiżna fl-2021 kellna tkabbir ekonomiku ta’ ftit aktar minn 9 fil-mija. Naturalment wieħed irid iqabbel dan it-tkabbir mal-fatt li l-ekonomija ċkienet b’madwar 7 fil-mija fl-2020 jiġifieri fl-aqwa tal-miżuri restrittivi marbuta mal-pandamija. Madakollu t-tkabbir ekonomiku fl-2021 kien sinjal ċar li l-ekonomija bdiet tirkupra u qabdet ritmu inkoraġġanti.

Dħalna fi kriżi oħra 

Hekk kif bdejna t-triq li wassal biex l-ekonomija tirkupra u terġa’ tikber, dlonk dħalna fi kriżi oħra din id-darba kkawżata mill-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Din il-kriżi qed ikollha effett fuq il-provvista taż-żejt u l-gass naturali fis-swieq internazzjonali kif ukoll fuq il-provvista ta’ ċereali. 

Irrid infisser li waqt il-pandemija rajna ukoll żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti u materjal impurtat l-aktar mic-Cina u pajjiżi terzi oħra minħabba problema fil-katina ta’ provvista globali (global supply chain). B’konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna, ir-rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra kompliet tikkarga u r-rati ta’ inflazzjoni li qed jesperjenzaw bħalissa pajjiżi bħal Greċja, l-Italja u Spanja hu ta’ tħassib kbir. Dan qed jipperikolaw ukoll l-irkupru ekonomiku fl-Unjoni Ewopea b’mod komplessiv. 

F’pajjiżna r-rata ta’ inflazzjoni telgħet ukoll għalkemm mhux fil-livelli tal-pajjiżi li semmejt. U dan minħabba l-miżuri li ttieħdu biex il-prezzijiet ta’ prodotti tal-enerġija u fjuwil jibqgħu kif inhuma. L-istess sar fuq l-importazzjoni taċ-ċereali. Dan fisser li l-Gvern jew qed inaqqas id-dħul mit-taxxa tas-sisa jew żied l-ispiża rikorrenti minħabba s-sussidji pprovduti. Il-mistoqsija tiġi waħedha: jista’ l-Gvern jassorbi kull effetti minħabba żviluppi internazzjonali?

Dan jiddependi mill-livell ta’ tkabbir ekonomiku li jippermetti l-Gvern iżid id-dħul mit-taxxi bhal VAT u t-taxxi mid-dħul. Iżda jiddependi ukoll minn politika fiskali li tillimita n-nefqa f’oqsma oħra fil-Budget tal-Gvern. Ma naħsibx li l-Gvern se jagħżel it-tieni triq u possibilment se jistenna n-negozjati li jistgħu jwasslu għal riforma fil-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir Ekonomika li jistgħu jwasslu ghal aktar flessibilità fir-regoli li jiggvernaw il-finanzi pubbliċi fiż-żona ewro. Riforma bħal din tagħti aktar spazju fiskali (fiscal space) għall-gvernijiet fl-Unjoni Ewropea. 

Futur imċajpar? 

Mhemmx dubju li għaddejjin minn perjodu ieħor ta’ inċertezza li jista’ jolqot ir-ritmu u tkabbir ekonomiku. L-inċertezza hi l-akbar għadu għat-tkabbir ekonomiku iżda hemm numru ta’ fatturi li għandhom jimlewna b’kuraġġ: (i) ir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija mhux lanqas minħabba l-fatt li ras għal ras l-assi finanzjarji u dawk immobiljari fost il-Maltin u l-Għawdxin huma fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea; (ii) l-esperjenza li għandu l-Gvern Malti u li nbniet waqt kriżi bħal dik li għaddejna waqt il-pandemija tista’ terġa’ tkun determinant biex jillimita l-effetti negattivi partikolarment minħabba l-għoli tal-ħajja; (iii) il-fatt li l-Unjoni Ewropea qed tikkonsidra azzjoni konġunta fuq xiri ta’ żejt u gass naturali għalkemm fuq bażi voluntarju, jista’ jwassal biex il-prezzijiet tal-energija ma jkomplux jogħlew; (iv) is-settur tas-servizzi finanzjarji jibqa’ wieħed stabbli megħjun ukoll mir-rwol tal-Bank ta’ Izvilupp u livell qawwi ta’ depoziti; (v) investiment inkluż permezz ta’ fondi Ewropej li baqa’ ghaddej ghalkemm mhux fl-istess livell li rajna qabel il-pandemija; u (vi) settur tat-turiżmu li qed juri sinjali inkoraġġanti ta’ rkupru. 

Konkluzjoni 

Dawn il-fatturi li għadni kif semmejt jistgħu jkunu determinanti biex l-ekonomija fix-xhur li ġejjin tilqa’ u tassorbi din il-kriżi li dħalna fiha, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, u biex l-attività ekonomika f’pajjiżna f’kull settur tkompli għaddejja. Filwaqt li r-rwol tal-Gvern fit-tfassil tal-politika ekonomika u dik soċjali se jibqa’ determinanti, l-ekonomija teħtieġ settur privat dinamiku, flessibbli u kreattiv. F’mument ta’ kriżi internazzjonali u kif rajna tul il-pandemija, il-Gvern u s-settur privat, u hawn ninkudi l-imsieħba soċjali, jridu ta’ bilfors jaħdmu flimkien biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet fic-cirkostanzi. 

Sport