L-ekonomija tal-Ġermanja, l-akbar waħda fl-Ewropa, ċkienet għat-tieni sena konsekuttiva matul l-2024. Il-prodott gross domestiku naqas b’0.2% fuq is-sena ta’ qabel. Dan seħħ wara tnaqqis ta’ 0.3% fl-2023, skont l-uffiċċju federali tal-istatistika, Destatis.
L-uffiċċju federali qal li dan kien ikkawżat minn pressjonijiet ċikliċi u strutturali li xekklu l-żvilupp ekonomiku fl-2024. Dawn jinkludu żieda fil-kompetizzjoni għall-industrija tal-esportazzjoni Ġermaniża fis-swieq ewlenin, spejjeż għoljin tal-enerġija, livell ta’ rata tal-imgħax għoli, u prospetti ekonomiċi inċerti.
F’dan l-isfond, l-ekonomija Ġermaniża ċkienet fl-2024. L-industrija Ġermaniża kienet mifnija bit-tnaqqis filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq id-dejn illimitaw l-infiq pubbliku.
It-tqassim tad-dejta tal-2024 wera li l-produzzjoni tal-manifattura naqset bi 3% is-sena li għaddiet, bi tnaqqis notevoli fis-settur tal-makkinarju u t-tagħmir, u tal-karozzi. Il-produzzjoni baqgħet ukoll baxxa fil-fergħat industrijali li jużaw ħafna enerġija, inklużi l-industriji kimiċi u tax-xogħol tal-metall.
Il-kostruzzjoni rreġistrat tnaqqis ta’ 3.8% fl-2024 hekk kif l-ispejjeż tal-bini baqgħu għoljin, li rriżultaw f’inqas bini ta’ djar residenzjali. B’kuntrast, il-modernizzazzjoni u l-kostruzzjoni ġdida ta’ toroq, ferroviji u pajpijiet wasslu għal żieda fis-settur tal-inġinerija ċivili. Is-settur tas-servizzi kien l-uniku wieħed qawwi, għalkemm kiber biss b’0.8%.
F’din is-sitwazzjoni ekonomika mċajpra, il-partit tal-lemin estrem tal-Ġermanja, AfD, fil-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjoni bikrija tax-xahar id-dieħel, qed jipproponi serje ta’ politiki kontroversjali profondament dwar kollox, mill-migrazzjoni għall-edukazzjoni hekk kif bdiet formalment il-kampanja għal gvern ġdid fl-aktar pajjiż b’saħħtu fl-Ewropa.
L-AfD, imwaqqaf fl-2013, approva l-kunċett tal-lemin estrem ta’ “migrazzjoni mill-ġdid” fil-programm tiegħu, u hedded id-deportazzjoni tal-massa tal-migranti jekk jasal jirbaħ il-poter.
Stħarriġ ġdid wera li l-AfD, li partijiet minnha ġew ikklassifikati bħala estremisti tal-lemin estrem mill-intelliġenza domestika Ġermaniża, kabbret il-popolarita tagħha għal 22%, u issa l-AfD huwa fit-tieni post wara l-alleanza CDU/CSU, li l-popolarità tagħha niżlet punt perċentwal għal 30%.