Friday, November 15, 2024

L-ekonomija Maltija kompliet tespandi fl-2024

Aqra wkoll

Fl-evalwazzjoni tiegħu tar-Rapport ta’ Nofs is-Sena 2024, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti (MFAC) innota li l-ekonomija Maltija kompliet tespandi b’mod kostanti fl-ewwel xhur ta’ din is sena, bi żviluppi b’saħħithom fis-suq tax-xogħol u tnaqqis fl-inflazzjoni. Il-Kunsill qies li t-tkabbir ekonomiku fl-2024 jista jkun iktar b’saħħtu meta mqabbel mat-tbassir tal-Gvern, immexxi minn titjib mid-domanda esterna. 

Ir-Rapport ta’ Nofs is-Sena għandu l-għan li jipprovdi aġġornament ekonomiku u fiskali abbażi tal-informazzjoni disponibbli sal-ewwel nofs tas-sena u jqabbel dawn l-aġġornamenti ma’ tbassir ippubblikat qabel. 

Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-istimi mill-Ministeru tal-Finanzi jindikaw li d-defiċit tal-gvern huwa relattivament baxx, €242.8 miljun, meta mqabbel mat-tbassir tal-Baġit ta’ aktar minn €900 miljun għall-2024. Dan kien minħabba dħul fiskali ogħla milli kien mistenni, li jirrifletti tkabbir ekonomiku wkoll aktar b’saħħtu.

Minn naħa l-oħra, filwaqt li kien hemm xi tfaddil f’komponenti speċifiċi tal-infieq, in-nefqa ġenerali wkoll żdiedet b’mod konsiderevoli, biż-żieda kważi pari passu mat-tkabbir fid-dħul. 

Ir-Rapport jirrimarka li l-Gvern qed jippjana li jillimita t-tkabbir tal ispiża netta għal rata konsistenti mat-tnaqqis tad-defiċit ġenerali tal-gvern b’0.5 punti perċentwali tal-PGD kull sena u li jilħaq iċ-ċifra ta’ defiċit ta’ 3.0% matul l-erba’ snin li ġejjin. 

Sadanittant, il-Kunsill jinnota b’mod pożittiv li bħalissa hemm ‘buffer’ ta’ madwar 10 punti perċentwali għall-parametru referenzjarju tas-60% tad-dejn mal-PDG, u huwa mistenni li dan l-parametru ikompli jiġi rrispettat.

L-MFAC irrakkomanda lill-Gvern biex iħaffef l-isforzi ta’ riformi strutturali u jippromwovi investiment produttiv, partikolarment fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l infrastruttura fiżika u soċjali, l-indirizzar ta’ lakuni fil-ħiliet u nuqqasijiet fil-forza tax xogħol u li jsir titjib fir-riżultati tal-edukazzjoni. 

Il-Kunsill tenna r-rakkomandazzjoni tiegħu biex titħejja strateġija ta’ ħruġ adegwata fir-rigward tal-politika ta’ prezzijiet fissi tal-enerġija, billi jiġi adottat approċċ aktar immirat u jisaħħu l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. 

Il-Kunsill iqis li l-prestazzjoni qawwija tal-ekonomija Maltija, ferm ogħla mill-medja tal-UE, u l istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u tal-gass, jipprovdu kuntest xieraq, għal reviżjoni gradwali ta’ dan is-sussidju sabiex ikun aktar immirat u jirrifletti l-għan ġenerali li tinkiseb ekonomija newtrali għall-karbonju u li tiġi promossa t-tranżizzjoni ekoloġika.  

Irrakkomanda wkoll li filwaqt li mezzi ta’ trażżin fit-tkabbir fl-infiq għandu jiġi esplorat, in-nefqa kapitali produttiva li tippromwovi tkabbir fuq terminu medju u fit tul m’għandhiex titnaqqas. 

Ekonomija

Sport