Saturday, December 20, 2025

L-ekonomija Maltija mistennija tikber b’rata stabbli ta’ 3.7% – tbassir tal-Bank Ċentrali 

Aqra wkoll

Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, it‑tkabbir fil‑prodott domestiku gross (PDG) reali f’Malta mistenni jimmodera minn 6.8% fl‑2024 għal 3.7% fl‑2025. Ir-rata tat-tkabbir mistennija tibqa’ stabbli madwar 3.7% fit-tliet snin ta’ wara. Meta mqabbel mat‑tbassir preċedenti tal‑Bank, it‑tkabbir previst fil‑PDG hu rivedut marġinalment ’l isfel fl‑2025 u ’l fuq fis-sentejn ta’ wara.

It-tkabbir ekonomiku matul il-perjodu tat-tbassir huwa mistenni li jkun immexxi mill-konsum privat, li huwa mbassar li jkompli jikber b’ritmu mgħaġġel, filwaqt li l-investiment għandu jkompli jiżdied ukoll tul il-perjodu tat-tbassir. Barra minn hekk, l-esportazzjoni netta hija mistennija li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għat-tkabbir fil-PDG tul il-perjodu ta’ tbassir, xprunata mill-kummerċ fis-servizzi. Madankollu, dan il-kontribut mistenni li jkun ħafna iżgħar minn dik tad-domanda domestika.

It-tkabbir fl-impjiegi huwa mistenni li jimmodera gradwalment minn 5.3% fl-2024 għal 3.5% din is-sena qabel ma jkompli jbatti għal 2.3% sal-2028. Ir-rata tal-qgħad hija prevista li tkun 2.9% fl-2025 qabel ma tinżel ftit għal 2.8% għall-bqija tal-perjodu tat-tbassir.

L-iskarsezza fis-suq tax-xogħol hija mistennija li tippersisti għalkemm għandha tbatti. Dan ser ikun fattur ewlieni li jmexxi l-prospettiva tal-pagi. Wara tkabbir qawwi s-sena l-oħra, il-pressjoni ’l fuq fuq il-pagi hija mistennija li tittaffa b’tali mod li r-rata annwali tat-tkabbir timmodera għal 5.6% fl-2025 minn 6.8% s-sena l-oħra. Dan it-tnaqqis jirrifletti wkoll tkabbir aktar bil-mod fil-produttività. It-tkabbir huwa mistenni li jkompli jonqos matul il-perjodu tat-tbassir hekk kif l-iskarsezza fis-suq tax-xogħol hija mistennija li tbatti.

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) hija mbassra li tkun 2.4% fl-2025, l-istess rata rreġistrata fis-sena ta’ qabel. Dan għaliex it-tnaqqis fl-inflazzjoni tal-ikel huwa mistenni li jikkumpensa għal inflazzjoni ogħla fis-servizzi. L-inflazzjoni fl-HICP mistennija li tbatti għal 2.3% fl-2026 u 2.1% fl-2027 u fl-2028, xprunata primarjament minn inflazzjoni aktar baxxa fis-servizzi. Meta mqabbla mal-pubblikazzjoni preċedenti tat-tbassir ekonomiku tal-Bank, l-inflazzjoni bbażata fuq l-HICP ġiet riveduta ’l fuq b’0.1 ta’ punt perċentwali fl-2025 u fl-2027, u b’0.2 ta’ punt perċentwali fl-2026. Dan jirrifletti primarjament is-sorpriżi riċenti ’l fuq fl-inflazzjoni fis-servizzi.

Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni jinżel minn 3.5% fl-2024 għal 3.3% fl-2025, u jinżel taħt it-3.0% s-sena d-dieħla, qabel ma jkompli jonqos għal 2.1% sal-2028. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG huwa mistenni li jilħaq ir-rata massima ta’ 47.6% fl-2026 qabel ma jonqos għal 46.9% sal-2028. Meta mqabbel mat-tbassir ta’ Awwissu tal-Bank, il-profil tad-defiċit u d-dejn imbassra ġie rivedut ’l isfel b’madwar 0.1 ta’ punt perċentwali u punt perċentwali tal-PDG f’kull sena, rispettivament.

Ir-riskji għall-attività huma pjuttost ibbilanċjati. Ir-riskji negattivi fil-biċċa l-kbira jirriżultaw mill-ambjent ekonomiku internazzjonali, u primarjament dak fiż-żona tal-euro, li jista’ jibqa’ dgħajjef. Min-naħa l-oħra, l-impjiegi u l-pagi jistgħu juru dinamika saħansitra aktar b’saħħitha milli previst. Dan għandu jsarraf fi tkabbir ogħla fil-konsum privat, u b’hekk l-attività tiżdied aktar milli previst.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport