Mistoqsi dwar l-ekonomija, il-Prim Ministru spjega kif qabel l-2020 Gvern Laburista kien iffukat fuq il-progress ekonomiku, u meta pajjiżna ntlaqat mill-pandemija ħa deċiżjonijiet f’waqthom, b’kuntrast ma’ dak li ġara fl-Ewropa, fejn bosta ekonomiji kkollassaw. Spjega kif Malta marret kontra l-kurrent, billi l-Gvern investa fin-nies, fosthom bis-sussidji tal-enerġija u l-għajnuniet li ta biex ma jintilfux l-impjiegi. Qal li minkejja l-inkwiet ġeo-politiku, l-ekonomija Maltija kompliet tikber u toħloq il-ġid biex qed jingħataw iktar benefiċċji soċjali, kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema, u żewġ tax cuts.
Il-Prim Ministru spjega kif it-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri se jħalli terz ta’ biljun ewro fil-bwiet tal-familji. Qal li l-koppji mhux se jħallsu income tax għal 25 sena, miżura li l-Gvern se jżommha u se jibqa’ jibni fuqha, iżda jrid ikompli jżomm l-ekonomija tajba fis-snin li ġejjin. Filwaqt li elenka bosta skemi li qed jibbenefikaw minnhom in-nies bis-saħħa tal-iktar budget soċjali fl-istorja, Dr Abela rrefera għal skema partikolari tal-first-time buyers biex min xtara garaxx jew għalqa ma jitqiesx bħala first-time buyer meta jixtri daru u b’hekk ikun jista’ jikkwalifika għal din l-iskema.
Dwar il-kontijiet finanzjarji tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru qal li tant jistħu mid-dejn li għamlu eżerċizzju ta’ illużjoni biex jaħbuh, aġir li ddeskrivih bħala logħob mal-onestà għax qed jidħaq bin-nies. Mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni tal-assi, Dr Abela qal li r-riforma qed tiġi finalizzata u se żżid it-trasparenza filwaqt li telimina l-kunflitti t’interess, mhux biss għall-Kabinett u l-Membri Parlamentari tal-Gvern, iżda wkoll għad-Deputati tal-Oppożizzjoni.

