Sunday, November 24, 2024

“L-ekonomija Maltija qed turi sinjali ta’ reżiljenza”

It-tbassir ekonomiku dwar Malta milqugħ tajjeb mill-ekonomisti

Aqra wkoll

Jidher li minkejja l-ostakli kollha, fosthom l-aktar riċenti bl-invażjoni fl-Ukrajna, Malta se tibqa’ jkollha tkabbir ekonomiku konsekuttiv u għal din is-sena se jkun fost l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku wkoll.

It-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-andament ekonomiku li għaddej minnu b’ritmu b’saħħtu pajjiżna ġie milqugħ bl-iktar mod pożittiv minn ekonomisti u analisti ewlenin.

L-Ekonomista Steve Ellul f’kummenti lil dan is-sit qalilna li l-andament ekonomikiu huwa b’saħħtu u dan jidher mill-figuri li ħerġin fil-kuntest tat-turiżmu fejn ħafna mill-operaturi turistiċi qed jaraw li se jkunu qed jilħqu ċ-ċifra ta’ 75% tan-numri li kienu ntlaħqu fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija. Dan jirrifletti sentiment tajjeb ħafna fil-fażi ta’ rkupru mill-pandemija.

L-ekonomista Ellul jgħid li r-rata ta’ inflazzjoni bħalissa f’Malta hija fl-iktar livelli baxxi fl-Ewropa minħabba li l-Gvern qed jintervjeni fil-prezzi tal-ikel u tal-enerġija. “Għall-inflazzjoni dak ifisser viċin l-40% tal-inflazzjoni kollha li persuni jkunu qed jesperjenzaw”.

Dawn l-interventi tal-gvern kapaċi jimmitigaw l-għoli tal-ħajja għalkemm dan għadu jinħass xorta waħda speċjalment minn persuni bi dħul baxx u  dawk fil-klassi medja. Għalhekk ma jfissirx li l-għoli tal-ħajja mhux qed inaqqas mill-kapaċita tax-xiri tal-individwi.

Li hemm favur l-andament ekonomiku, jsostni Steve Ellul, huwa l-fatt li ħafna mill-Maltin fix-xhur tal-pandemija irnexxielhom ifaddlu iktar minn qatt qabel tant li bħalissa l-banek lokali għandhom madwar €24 biljun f’depożiti tan-nies. Dan ifisser li b’hekk il-kapaċità tax-xiri mhux se jkun qed jonqos wisq.

Sport