Wednesday, July 24, 2024

“L-ekonomija qed tgawdi minn diversi ‘shock absorbers’” – Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jgħid li lockdown totali ma kienx meħtieġ

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna iddikjara ma’ dan il-ġurnal li l-ekonomija ma ħaditx d-daqqa li ħadu pajjiżi oħra grazzi għall-miżuri li ttieħdu matul is-snin u li issa qed iservu ta’ ‘shock absorbers’.

Kien inewsmalta li staqsa lill-ministru responsabbli mill-qagħda finanzjarja tal-pajjiż għar-reazjoni tiegħu fid-dawl tal-aħħar t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar kif se jintlaqtu l-istati membri.

Il-KE qed tbassar li għalkemm, bħall-bqija tal-pajjiżi kollha, il-Covid19 se jħalli l-impatt tiegħu fuq l-ekonomija lokali, Malta mistennija jkollha r-raba’ l-inqas żieda fil-qgħad u li matul l-2012 l-istess ekonomija terġa’ tirkupra.

Fl-istess waqt il-Columbia University ta’ New York poġġiet lil Malta fil-quċċata fejn tidħol għajnuna mill-gvernijiet lin-negozji u ‘self-employed’ fejn saħansitra għaddiet pajjiżi ġganti bħall-Ġappun u l-Istati Uniti.

Fir-reazjoni tiegħu għal dawn l-aħbarijiet pożittivi, il-Professur Scicluna esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tbassir tal-KE u elenka diversi punti mir-rapport tagħha li huma ta’ importanza għal pajjiżna.

Huwa beda biex semmilna kif ir-rata ta’ tkabbir negattiv ta’ Malta din is-sena mistennija tkun it-tielet l-iktar baxxa fiż-Żona Ewro u r-raba’ l-aktar baxxa fl-UE. 

Il-KE qed tbassar ukoll li mentri madwar iż-Żona Ewro, il-ġid nazzjonali din is-sena mistenni jonqos b’medja ta’ 7.7%, f’Malta d-daqqa ekonomika se tkun ta’ 5.8%.

“Dan ifisser li minkejja d-dipendenza qawwija ta’ pajjiżna fuq it-turiżmu, l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 se jkun kwart anqas minn dak madwar iż-Żona Ewro”.

Huwa qalilna li mentri fiż-Żona Ewro d-daqqa ta’ 7.7% tal-2020 mhux se tkun irkuprata fl-2021, għax it-tkabbir mistenni jkun ta’ 6.3%, fil-każ ta’ Malta fl-2021 it-tkabbir ekonomiku mistenni  jpatti b’iżjed mid-daqqa ta’ din is-sena.

Scicluna sostna li meta wieħed iħares lejn id-daqqa fl-impjiegi, l-esperti tal-KE jidhru pożittivi ferm fuq pajjiżna għax waqt li bħala medja madwar iż-Żona Ewro hu mistenni tnaqqis ta’ 4.7%, f’pajjiżna d-daqqa hija mbassra li tkun ta’ 1.8%.

Malta hija mbassra wkoll li tirreġistra t-tielet l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona tal-Ewro għal 5.9% din is-sena li mistennija tinżel għal 4.4% fl-2021.

Huwa innota wkoll li kienu ħafna dawk li ħasbu li t-tbassir pożittiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali kien żbaljat imma issa anke l-KE qed tagħmel l-istess tbassir. 

“Skont l-esperti tal-KE l-imxija tal-COVID-19 għal Malta tfisser a resilient economic growth model tested’. Fil-fatt jikkonkludu li għal pajjiżna dan se jkun ‘a temporary downturn’. Dan kollu huwa dovut għax l-ekonomija Maltija kif bnejniha dawn l-aħħar seba’ snin illum qed tgawdi minn numru ta’ ‘shock absorbers’”.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li hemm diversi raġunijiet għal dan kollu fosthom għax ma kellniex ‘total lockdown’ kif xtaqet l-Oppożizzjoni.

“Stennejna jekk ikunx hemm il-bżonn u fil-fatt sibna li stajna nevitawh. Dan wassal biex ma ssirx il-ħsara devastanti li ġarrbu uħud mill-pajjiżi ġirien tagħna. Id-diversifikazzjoni wiesa tal-ekonomija Maltija qed tpatti għad-daqqa li ħa s-settur tat-turiżmu”.

Huwa semmilna wkoll il-prestazzjoni dinamika fis-suq tax-xogħol li kellna matul l-2019 fejn il-qgħad kien baxx ħafna u t-tkabbir fl-impjiegi kien fost l-ogħla f’dawn l-aħħar snin. 

Waqt li irrimarka kif “il-kesħa kiefra tal-kriżi ma sabitx lill-ekonomija Maltija għadma u ġilda”, il-Professur Scicluna semma wkoll ir-rata għolja ta’ tfaddil mill-familji Maltin u Għawdxin f’dawn l-aħħar snin bħala raġuni li wasslet biex ittaffi l-impatt tal-kriżi fuq il-konsum.

Huwa semma kif il-famuzi surpluses u l-flus imġemmgħin mill-iskema tal-IIP kien ‘shock absorber’ ieħor li bih issa l-bilanċ ġenerali tal-Gvern huwa mistenni li jirkupra sew fl-2021 waqt li l-proporzjon tad-dejn mal-Prodott Dometiku Gross (PDG) tal-Gvern huwa mbassar li jibqa’ taħt il-limitu ta’ 60% dejn mal-PDG u qrib il-51% is-sena d-diehla.

Scicluna indika wkoll kif il-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti, jiġifieri l-esportazzjoni vis-à-vis l-importazzjoni, laħaq l-ogħla livell fl-2017 u mistenni jibqa f’livell għoli b’7.6% fl-2020 u 9.7% fl-2021.

“Dan ma jfissirx li mhux se niffaccjaw sfidi. Li jfisser hu li se niffaċċjaw minn pożizzjoni b’saħħitha grazzi għall-ghaqal tal-Gvern f’dawn iż-żewg leġislaturi”, żied jgħidilna l-Ministru tal-Finanzi fil-kumment tiegħu dwar il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż issa u fil-futur.

Ekonomija

Sport