L-ekonomija ta’ pajjiżna se tkompli tikber b’mod b’saħħtu u se tkun l-aktar waħda li tikber fl-Ewropa kollha għall-ħames snin li ġejjin. Dan ħareġ minn rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF.
L-istess rapport jindika li matul din is-sena, l-ekonomija ta’ pajjiżna hija mistennija li tikber b’4% u li Malta se tkun waħda minn ftit pajjiżi fejn mhux imbassar tnaqqis fir-rata tat-tkabbir.
Wieħed jista’ jinnota li r-rata ta’ Malta tiżboq ir-rata medja ta’ tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewro u f’pajjiżi avvanzati ekonomikament. Dan hekk kif ir-rata medja fiż-Żona Ewro hi ta’ ftit aktar minn wieħed fil-mija biss, waqt li dik fil-pajjiżi meqjusa avvanzati mistennija tkun taħt it-tnejn fil-mija.
Qed jiġi mbassar ukoll li matul l-istess perjodu, pajjiżna mistenni jara r-rata tal-qgħad taqa’ għall-inqas livell ta’ 2.5%, li wkoll hi l-inqas waħda mill-pajjiżi Ewropej kollha.
B’reazzjoni għal dak li tħabbar mill-IMF, f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li, waqt li l-ekonomija globali għandha prospetti baxxi, dik Maltija se tibqa’ l-aktar waħda li tikber.
Enfasizza li l-Gvern se jkompli jħaddan politika ekonomika progressiva, li biha twieżen lill-familji u n-negozji.