Friday, November 15, 2024

“L-ekonomija tagħna baqgħet b’saħħitha għax il-konsum lokali baqa’ b’saħħtu quddiem kull sfida”

L-ekonomista Cressida Galea dwar is-sitwazzjoni ekonomika fid-dawl ta’ sfidi globali kbar.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna ftit li xejn tat nifs lil diversi pajjiżi madwar id-dinja jirkupraw mill-pandemija li wara xhur ta’ sfidi b’xi mod raw kontroll fil-firxa tal-virus.

Rajna kif pajjiżi kbar bħalma huma Spanja, ir-Renju Unit, it-Tuneżija, Franza u l-Italja, fost pajjiżi oħra kellhom tnaqqis ekonomiku sostanzjali anke minħabba gwerra li kienet prevista li ttul ferm inqas.

Minkejja li l-pajjiżi Ewropej huma dipendenti ħafna fuq ir-Russi fejn jidħlu sorsi ta’ enerġija, sa minn Frar li għadda l-Unjoni Ewropea imponiet numru ta’ sanzjonijiet bil-ħsieb li ttaffi b’xi mod is-saħħa tal-pajjiż fl-esportazzjoni ta’ dawn is-sorsi bħalma huma ż-żejt u l-gass. Hu stmat li s-sena li għaddiet ir-Russja daħħlet mal-€400 biljun mill-esportazzjoni ta’ dawn is-sorsi lejn l-Ewropa. Il-ħsieb wara s-sanzjonijiet imposti huwa li l-Ewropa tnaqqas b’90 fil-mija l-ammont ta’ żjut li tixtri mir-Russja, iżda minkejja li dan il-proċess diġà ħa diversi xhur u għad baqa’ iżjed, qiegħed ikun maħsub li r-Russja se tilħaq issib bejgħ tiegħu f’pajjiżi oħra. 

“Ittieħdu deċiżjonijiet mingħajr tkaxkir tas-saqajn”

Fid-dawl ta’ dan kollu, tkellimna mad-Deputata Laburista u Ekonomista Cressida Galea li spjegat dwar diversi fatturi li juru kemm pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni fejn qiegħed jevita r-riċessjoni minħabba li l-gvern ma baqax ikaxkar saqajh meta tfaċċaw l-isfidi. Ħafna pajjiżi Ewropej li kienu dipendenti fuq ir-Russja għall- provvista tal-gass naturali spiċċaw fis-sitwazzjoni fejn kellhom iżidu l-ispejjeż tal-enerġija, liema spejjeż issarrfu f’piżijiet addizzjonali fuq iċ-ċittadini tagħhom.  Id-Deputata Laburista fakkret li Malta m’għandha l-ebda dipendenza fuq ir-Russja għal-Liquefied Natural Gas (LNG). Apparti dan, Malta irnexxielha tintrabat f’kuntratt ta’ xiri bi prezz fiss għal diversi snin konsekuttivi, deċiżjoni li wasslet biex ma tkunx milquta anke minn prezzijiet volatili li jwasslu għal żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.

Żiedet biex tispjega li tali deċiżjoni għenet ukoll biex filwaqt li l-bqija tal-istati membri esperjenzaw żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-enerġija tagħhom, pajjiżna baqa’ jżomm l-istabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija għal diversi xhur. “Dan irnexxielna nagħmluh minħabba numru ta’ deċiżjonijiet ippjanati li ttieħdu fil-passat u anke fil-preżent biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu stabbli, li ppermettewlna li nipproteġu liċ-ċittadini Maltin minn żidiet bħal dawn. Dan għen biex jitrażżan il-faqar enerġetiku u nipproteġu lill-konsumaturi l-aktar vulnerabbli, anke jekk il-gvern qed jagħmel dan billi jinvesti miljuni ta’ euro dirett fin-nies”, tenniet l-ekonomista.

Malta ngħatat eżenzjoni wkoll mill-pjan tal-Unjoni Ewropea biex tnaqqas il-konsum tal-gass bi 15% b’reazzjoni għall-manipulazzjoni tal-provvisti tar-Russja. Tnaqqis bħal dan kien ikun ta’ detriment kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji u għalhekk, jeħtieġ li tkompli għaddejja l-ħidma biex filwaqt li niżguraw mis-sigurtà tal-provvista, iċ-ċittadin ma jkollux jerfa’ piż addizzjonali. 

Kemm fuq livell Nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew hemm spinta ċara lejn il-miri u l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, sabiex eventwalment tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. F’dan ir-rigward, l-ekonomista qalitilna li Malta trid tibqa’ ambizzjuża fil-miri tagħha tal-enerġija u ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija. Biex dan iseħħ jeħtieġ li pajjiżna jżid l-investiment tiegħu fejn jidħlu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Fakkret dwar statistiċi riċenti li juru li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna kompliet tikber u magħha żdiedet id-domanda għall-konsum. 

“L-indikaturi ekonomiċi baqgħu b’saħħithom minkejja li pajjiżi ikbar minnha spiċċaw għotru”

Ċifri oħrajn juru li l-eknomija ta’ pajjiżna baqgħet tirkupra b’mod b’saħħtu ħafna anke meta kkumparata mal-bqija tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Minkejja dan it-tisbit tas-saqajn bejn iż-żewġ pajjiżi involuti fil-gwerra tal-Ukrajna qiegħed joħloq dubji jew biża’ fost ċittadini li pajjiżna jista’ ma jibqax reżiljenti bħalma ilu jkun sa minn sfidi kbar internazzjonali bħalma kienet il-pandemija u issa diversi xhur ta’ invażjoni Russa. 

Staqsejna lill-ekonmista dwar din il-biża’ kkawżata minn dak li għaddej f’pajjiżi ferm akbar minn Malta li spiċċaw għarkupptejhom quddiem sfidi globali bħal dawn imsemmija. Galea spjegat li meta qed nitkellmu fuq riċessjoni, dan ifisser li d-dħul nazzjonali li huwa l-Prodott Gross Domestiku (PGD) tal-pajjiż jonqos f’żewġ kwarti konsekuttivi. Dan iwassal għal żieda fil-qgħad u inqas kompetittività fejn jidħlu negozji għax normalment meta jkun hemm riċessjoni jirriżulta għal tnaqqis fin-nefqa tal-konsum. 

“Tajjeb li nfakkru li l-ekonomija ta’ pajjiżna, kemm waqt il-pandemija u kif ukoll waqt il-Gwerra fl-Ewropa, baqgħet reżiljenti kemm min aspett ekonomiku iżda wkoll minn aspett soċjali. Qed ngħid hekk għax jekk inħarsu lejn l-indikaturi ekonomiċi bħal qgħad, konsum lokali, kif ukoll it-tkabbir tan-negozji, naraw li dawn l-indikaturi baqgħu b’saħħithom”, żiedet tgħid l-ekonomista.

L-irkupru ekonomiku ta’ pajjiżna dejjem kien ibbażat sostanzjalment fuq il-konsum tas-suq lokali. Minħabba li dan il-konsum baqa’ b’saħħtu fi  żmien il-pandemija, l-ekonomija Maltija kompliet tirkupra mill-impatti negattivi, anke jekk kien hawn xi restrizzjonijiet li wasslu għal għeluq ta’ xi stabbilimenti għal perjodu qasir minħabba kontroll fuq il-firxa tal-virus. 

Bħala Deputata Laburista, Galea qalet li huwa għalhekk li n-negozji u l-impjiegi se jibqgħu l-prijorità għal dan il-gvern, kif dejjem kienu. Sostniet li r-riżultati jirriflettu dan għax fl-2021 kien hemm żieda qawwija fin-numru ta’ negozji, kif ukoll kien hemm żieda fil-bejgħ mill-ħwienet, minkejja xokkijiet esterni li esperjenzajna u għadna qed nesperjenzaw. 

“Gvern Laburista introduċa mekkaniżmu li jara li ħadd ma jaqa’ lura”

Riċentament bdiet ħierġa wkoll l-ewwel informazzjoni (għalkemm mhux konfermata) relatata mal-COLA għall-budget li jmiss. Iż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa maħruġa f’rapporti fil-midja lokali wasslet għal taħlita ta’ reazzjonijiet. Min-naħa tagħha Galea spjegat li s-sistema attwali tal-COLA tmur lura għas-sena 1991, meta oriġinarjament kienet ġiet introdotta mill-Amministrazzjoni Nazzjonalista u ġiet stabbilita speċifikament biex tkun indipendenti mill-Gvern. Din kienet ġiet approvata mill-imsieħba soċjali kollha. Skont dak il-ftehim, l-istess kunsens irid japplika biex din titneħħa jew tiġi emendata. Dan ifisser li ż-żieda fil-COLA mhix magħżula jew determinata mill-Gvern, iżda hija stabbilita awtomatikament b’formula li tqis fatturi bħall-inflazzjoni fl-aħħar 12-il xahar u li hija bbażat fuq l-indiċi tal-prezzijiet ta’ pakkett maqbul mill-imsieħba soċjali. 

“Kien għalhekk li l-Gvern Laburista fl-aħħar budget introduċa mekkaniżmu indipendenti mill-COLA li tibda taħdem f’ċirkostanzi fejn l-għoli tal-prezzijiet ikun sostanzjali biex nipproteġu liż-żgħir. Dan ifisser li ghall-ewwel darba f’Malta għandna mekkaniżmu ieħor li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà, billi jagħti kumpenss addizzjonali, indipendentament mill-COLA. Dan jikkonferma l-prijorità tagħna fil-qasam soċjali u għaldaqstant ser nibqghu nieħdu deċiżjonijiet neċessarji li jnaqqsu l-impatt negattiv fuq in-negozji, fuq l-impjiegi u fuq iċ-ċittadini inġenerali. L-impenn tal-Gvern huwa li jibqa’ jkun reżiljenti matul dan il-perjodu ta’ sfida”, temmet Galea. 

Ekonomija

Sport