F’pajjiżna issa kważi drajna, naraw sena wara l-oħra l-ekonomija tkompli tikber u f’xi waqtiet b’mod sorprendenti. Mhux darba li t-tkabbir ekonomiku reali kien aktar minn dak li kien imbassar. Rapporti konsekuttivi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea jikkonfermaw dan, anki minkejja l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-ekonomiji dinjija, li bla dubju jħallu wkoll impatt fuq pajjiżna.
F’dan il-kuntest m’għandniex l-intenzjoni li nirrepetu dak li ilna ngħidu, illi l-mudell ekonomiku mħaddem b’għaqal mill-Gvern Laburista preżenti serva tajjeb ħafna lil pajjiżna. Imma l-iskop ewlieni tagħna huwa biss li nesponu kif il-progress ekonomiku nazzjonali qed jinżel għal għand in-nies u kif dan qed jirrifletti fuq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
Biżżejjed insemmu l-investiment qawwi fil-ħarsien soċjali li baqa’ jiżdied minn sena għall-oħra. fl-2023, l-investiment għat-titjib fil-ħajja tan-nies kien €600 miljun aktar minn dak ta’ sena qabel u laħħaq €7.5 biljuni. Minn dawn il-miżuri u benefiċċji soċjali kollha gawdew għadd kbir ta’ familji, tfal, persuni b’diżabilita u pensjonanti.
Apparti dan kollu, għax l-ekonomija tippermetti, il-gvern se jkompli, għar-raba’ darba wara xulxin, jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u b’hekk il-kontijiet tal-elettriku stabbli għall-familji u n-negozji se jibqgħu stabbli. Dan fl-istess waqt li bil-mod il-mod pajjiżna riesaq lejn tnaqqis bejn il-ħruġ u d-dħul tal-gvern li jfisser li fil-ġejjieni mhux ‘l bogħod id-defiċit se jkun skond ir-regoli u n-normi tal-Unjoni Ewropea.
Is-settur tal-impjiegi wkoll matul din is-sena baqa’ juri reżiljenza tant li l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-impjiegi fis-settur privat żdiedu konsiderevolment. Anki ċifri tal-Eurostat urew li r-rata ta’ impjieg f’Malta telgħet għal 80.30 fil-mija fit-tielet kwart tal-2024 minn 78.40 fil-mija fit-tieni kwart tal-2024.
Dan kollu qed isarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u l-Għawdxin, fejn l-inizjattivi li qed jittieħdu qed ikunu ta’ ġid mhux biss għall-ekonomija nnifisha imma wkoll għall-komunità inġenerali.
Għalhekk, il-prospetti għal aktar titjib ekonomiku fil-futur qarib jidhru li mhux se jkunu agħar minn ta’ din is-sena li dalwaqt tintemm. Il-miżuri mħabbra fil-Baġit 2025 li bosta minnhom diġa daħlu fis-seħħ u oħrajn se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li ġej, fosthom it-tnaqqis sostanzjali fit-taxxa, se jitfgħu aktar flus fil-bwiet tan-nies u b’hekk tkompli tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Prova oħra li f’dawn l-aħħar snin l-ekonomijakienet għall-ġid tan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija.