Tuesday, December 24, 2024

L-eks coach tan-Nisa Spanjoli Jorge Vilda qed jiġi investigat

Aqra wkoll

L-ex coach tat-team ta’ Spanja tan-Nisa, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja fl-Awstralja u New Zealand ix-xahar li għadda – qed jiġi nvestigat bħala parti mill-kawża kriminali kontra Luis Rubiales.

Vilda tkeċċa dan ix-xahar fost il-konsegwenzi mill-imġieba tal-president tal-Fe­derazzjoni Spanjola tal-Football (RFEF), Rubiales, fil-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-20 ta’ Awwissu.

Rubiales bies lill-player Jenni Hermoso fuq xuftejha, li hija tgħid li ma kientx kunsenswali.

Huwa jiċħad akkużi ta’ attakk sesswali u sfurzar.

Vilda se jidher quddiem il-Qorti Nazzjo­nali ta’ Spanja fl-10 ta’ Ottubru.

Il-midja Spanjola tirrapporta li Vilda qed jiġi nvestigat min-naħa tiegħu fl-allegat sfurzar ta’ Hermoso, li qal li saret pressjoni fuqha, fuq il-familja tagħha u l-ħbieb tagħha biex jiddefendu l-azzjonijiet ta’ Rubiales. Vilda ċaħdet dan.

Qed jiġu nvestigati wkoll Albert Luque – id-direttur tat-team nazzjonali tal-irġiel – u d-direttur tal-marketing tal-RFEF, Ruben Rivera, li qabel kienu msejħa bħala xhieda.

Rubiales ingħata ordni ta’ trażżin li ma tħallihx imur sa 200 metru minn Hermoso.

Nhar it-Tlieta, Spanja għelbu lill-Isvizzera bl-iskor ta’ 5-0 fl-ewwel partita tagħhom f’darhom minn mindu rebħu t-Tazza tad- Dinja.

Qabel ma bdiet il-logħba f’Cordoba, iż-żewġ settijiet ta’ players qagħdu wara banner li kien jgħid “It’s over, our fight is the global fight” wara l-iskandlu li ħakem il-football Spanjol.

Ekonomija

Sport