“Jason Azzopardi kuljum jigdeb fuq xi ħadd. Qam, u ddeċieda li kien imiss jigdeb u jivvinta fuq il-Prim Ministru Robert Abela. Dan għamlu bi skop: Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru ħabbar riforma wiesa’ fl-inkjesti maġisterjali mitluba mill-privat. Robert Abela dan għamlu biex qatt aktar ma jkun hawn individwi, bħal Jason Azzopardi, li jippruvaw jabbużaw l-għodda tal-ġustizzja biex joħolqu inġustizzji kbar fuq ċittadini onesti\’.
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Partit Laburista fi stqarrija fejn ingħad li quddiem dan kollu, Jason Azzopardi rvilla aktar u rritalja. Ġie spjegat kif fiż-żmien imsemmi minn Azzopardi, Dr Abela lanqas biss kien parti mill-eżekuttiv tal-pajjiż. Wisq u wisq anqas ma kien a konoxxenza ta’ xi rapport ta’ kumpanija ta’ awdituri kif imsemmi minn Azzopardi meta ttieħed il-vot parlamentari.
Il-PL qal ukoll; “Azzopardi gideb b’mod faħxi fuq il-Prim Ministru, u l-Prim Ministru jiċħad bl-aktar mod assolut u kategoriku l-allegazzjonijiet kompletament foloz u giddieba ta’ Azzopardi fil-konfront tiegħu. Tant hu hekk illi l-Awditur Ġenerali li qed jinvestiga dan il-każ, lanqas biss ħass il-ħtieġa li jibgħat għall-Prim Ministru. Meta jingħalaq u jiġi pubblikat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, il-poplu jkun jista’ jerġa’ jiġġudika min qal il-verità u min gideb u xehet it-tajn sfaċċatament, bejn il-Prim Ministru u Jason Azzopardi”.
L-istess partit irrimarka li; “Lill-eks deputat tal-Blue Heroes, u wieħed mill-perċimes tal-fazzjoni estremista li tmexxi lill-PN, il-poplu issa drah: Jidgeb biss u spiss. Gideb fuq Carmelo Abela. Gideb fuq Owen Bonnici. Gideb fuq Ryan Spagnol. Gideb fuq is-CEO tal-Lands Authority, Robert Vella.
Tenna li qed jigdeb fuq il-Ministri Clint Camilleri u Silvio Schembri u saħansitra fuq sħabu stess gideb tant li wieħed minnhom kien qal “Jason Azzopardi huwa persuna li jigdeb, li jgħid il-falz, illi jiffabbrika l-affarijiet fuq in-nies.
Il-PL temm jgħid; “U llum gideb fuq il-Prim Ministru. Jason Azzopardi jehda jipprova jħammeġ lin-nies. Jipprova juża l-għodda tal-ġustizzja biex joħloq l-inġustizzja. Iżda l-ebda Jason Azzopardi mhu se jwaqqaf lill-Gvern Laburista milli jkompli jkun fuq in-naħa taċ-ċittadin”.