Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħatar lill-Eks Kummissarju Ewropew Karmenu Vella bħala Konsulent dwar l-Avjazzjoni.
Il-Ministru Ian Borg qal li Karmenu Vella għandu esperjenza vasta f’diversi setturi importanti għall-pajjiż, mhux l-inqas fl-avjazzjoni. Huwa jħares ’il quddiem għal aktar ħidma b’konsultazzjoni esperta biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem.
Karmenu Vella rringrazzja lill-Ministru Borg tal-fiduċja li qed juri fih. Huwa żied jgħid li għalkemm m’għadux direttament involut fil-politika, xorta waħda jħares ’il quddiem sabiex bl-esperjenza li kiseb tul is-snin ikompli jagħti kontribut biex ikomplu jitmexxew ’il quddiem bosta setturi, fosthom dak tal-avjazzjoni.
Vella serva bħala Ministru responsabbli mix-Xogħlijiet Pubbliċi u Infrastruttura bejn l-1981 u l-1983, Ministru responsabbli mill-Industrija u t-Trade bejn l-1984 u l-1987, Ministru responsabbli mit-Turiżmu bejn l-1996 u l-1998 u Ministru responsabbli mit-Turiżmu u l-Avjazzjoni bejn l-2013 u l-2014. Huwa serva bħala l-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, il-Marittimu u s-Sajd bejn l-2014 u l-2019.