L-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat, jikteb b’reazzjoni għal liġi li ġiet imressaq fil-Parlamentat dwar l-Ippjanar.
“Meta qrajt ir-reazjoni ta’ bosta għal bidliet fil-liġi tal-ippjanar inkwetajt bil-bosta. Dan għaliex ħadtha bħala fatt li l-kritika li kienet qed issir kienet studjata sewwa u nkwetajt li l-Gvern żelaq fin-niexef anke għaliex kien hemm bosta nies ġenwini li kellmuni mħassba.
Għażilt li minflok noqgħod fuq dak li qed jingħad, naqra dak li qed jiġi propost. Ħsibt li naqsam dak li sibt magħkom.
1. QED JINTQAL: L-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministru se jkunu jistgħu jibdew jinjoraw għal kollox il-policies eżistenti, jibdlu għoli tal-bini u jirregolazzaw żviluppi illegali.
FATT: Veru u le għax is-sitwazzjoni diġà hija hekk. Il-bidla hi li minflok issir partial Local Plan review, se jkun il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li jikkunsidra dawn l-applikazzjonijiet fejn 75% jew aktar tas-sidien involuti jaqblu bejniethom. Dawn il-bidliet xorta jridu jitilgħu quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Ippjanar.
2. QED JINTQAL: Il-Ministru se jkun jista’ iġedded permessi skaduti.
FATT: Veru. L-NGOs għandhom raġun u m’għandux għalfejn jiddahhal dan il-poter. Din il-proċedura intużat b’mod eċċezzjonali waqt il-pandemija u jekk jerġa’ jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, jerġa’ jsir l-istess mingħajr il-bżonn li din tiddaħħal din il-bidla fil-liġi.
3.QED JINTQAL: Il-policies il-ġodda se jiġu fuq il-Pjani Lokali.
FATT: Veru. Hekk għandu jkun u fl-aħħar hemm ċarezza fejn sa’ issa kien hemm ħafna interpretazzjonijiet. Kien hemm drabi fejn il-Qorti stess iddeċidiet li l-policy għandha tiġi fuq Pjan Lokaliz Il-Pjani Lokali huma bbażati fuq pjan ta’ struttura li twieled fl-1992. Ftit snin ilu kien approvat prattikament pjan ta’ struttura ġdid, magħrif bħala SPED. Huwa ovvju li fejn hemm kunflitt l-aktar pjan riċenti għandu jirbaħ. Biex issir policy hemm proċess trasparenti ta’ konsultazzjoni u tinvolvi anki lil Parlament.
4. QED JINTQAL: Id-deċizjonijiet tal-ippjanar mhux se jkunu meħtieġa jikkunsidraw l-impatt ambjentali u fuq saħħa pubblika.
FATT: Invenzjoni totali li ma sibt imkien fl-ebda parti tal-liġi proposta.
5. QED JINTQAL: Persuna se tkun tista’ tappella biss fuq punti tekniċi, ksur ta’ policies u ksur ta’ ligi.
FATT: Veru. Iżda hekk hija s-sitwazzjoni issa wkoll.
6. QED JINTQAL: Se jkun hemm biss 20 jum ċans biex tapplika għall-appell.
FATT: Veru u Le. Tnaqqas minn 30 għal 20 ġurnata ż-żmien tal-appell. Iżda iddaħħlu 10 ijiem oħra biex wara r-rapport tekniku wieħed jista’, jemenda l-oġġezzjoni tiegħu. Jiġifieri xorta hemm 30 ġurnata.
7. QED JINTQAL: Jekk l-appell jiġi meqjus bħala frivolu tista’ teħel multa ta’ €5,000 bla dritt li tikkontestaha.
FATT: Veru. Din diġà teżisti u l-multa hija ta’ €2,500. Appell irid ikun serju u mhux titfgħu biex tieħu ċans jew ikollok biex tinnegozja. Xogħol l-avukati li jiggwidaw sewwa lil klijenti tagħhom u mhux sempliċiment jiftħu l-każijiet. Il-Qorti stess qalet li l-mod ta’ kif isiru l-oġġezzjoniniet irid jiġi rregolat aħjar.
8. QED JINTQAL: Il-Qorti ma tistax tirrevoka permess iżda trid tibgħat lura l-każ lit-Tribunal tal-Ippjanar.
FATT: Veru. Il-Qorti tista’ tħassar deċiżjoni iżda trid tibgħatu lura lill-Awtorità tal-Ippjanar biex t-Tribunal jimxi fuq dak li tkun iddeċidiet il Qorti. L-Awtorità tal-Ippjannar ma tistax issir Qorti iżda lanqas il-Qort ma tista’ ssir Awtorità tal-Ippjanar.
9. QED JINTQAL: Jekk appell jieħu aktar minn 5 xhur, kull ħaġa mibnija wara dak iż-żmien issir legali.
FATT: Mhux veru. Iż-żmien huwa 10 xhur u mhux 5 xhur bil-Qorti u Tribunal f’daqqa. Għaliex dawn għandhom jieħdu aktar minn hekk? Dan hu nċentiv biex deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr dewmien. Li ħadd ma hu qed jgħid hu li llum wieħed jista’ jibda xogħlojiet (b’riskju għalih) qabel ma jinqata l-appell. Dan id-dritt issa se jitneħħa.
10. X’MHUX JINTQAL: Sal-lum il-ġurnata biex tagħmel tinda li ma tidher minn imkien fil-bitha tiegħek, trid permess. Issa mhux se jkollok bżonn.
11. MHUX JINTQAL UKOLL LI: Il-multa għal żviluppi illegali qed tiżdied minn €50 għal €2,000 kuljum u tneħħa l-limitu fuq il-multi. Dan huwa pass qawwi ħafna kontra l-abbuż.
KONKLUŻJONI
Kif tistgħu taraw sibt realtà u interpretazzjoni pjuttost differenti minn dik li hija l-impressjoni ta’ ħafna. Ovvjament se jkun hemm l-4 oqbra mbajjda li se joħorġu jgħajjtu għax jaħsbu li huma biss jifmhu u jistgħu jitkellmu. Iżda l-fatti jibqgħu fatti u din hija liġi li fil-biċċa l-kbira tagħha ttejjeb fuq ta’ bħalissa.
Sfortunatament il-Gvern għamel froġa medjatika u ta’ kampanja b’deċiżjoni bla sens li jaqbad jippubblika l-liġi il-Ġimgħa, bla kliem u bla sliem, u beda jitkellem fuqha it-Tnejn ta’ wara. In-narrattiva kienet laħqet saret u issa l-Gvern qed minn taħt biex jikkonvinċi lin-nies ġenwini dwar bidla li hija essenzjalment tajba.”