Sunday, October 27, 2024

L-eks PM tal-Iskozja tinħeles ftit wara li ġiet arrestata dwar inkjesta li għaddejja

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru tal-Iskozja Nicola Sturgeon inħelset ftit sigħat wara li ġiet arrestata b’rabta ma’ inkjesta li għaddejja dwar il-finanzjament tal-Partit Skoċċiż SNP.

Il-Pulizija kkonfermat li mara ta’ 52 sena ttieħdet taħt arrest bħala suspettata u ġiet anke interrogata. Dan l-iżvilupp isegwi l-arrest u l-ħelsien sussegwenti ta’ żewġha, l-eks Kap Eżekuttiv tal-SNP Peter Murrell, f’April li għadda.

Kelliema għal Sturgeon ikkkonfermat li hija ttieħdet għall-interrogazzjoni matul il-jum tal-Ħadd. “Nicola konsistentement qalet li lesta tikkopera fl-investigazzjoni meta mitluba tagħmel dan u se tibqa’ tagħmel hekk.”

L-uffiċjali għamlu tfittxija fid-dar tas-Sinjura Sturgeon u l-kwartieri ġenerali tal-SNP f’Edinburgh fil-5 ta’ April, bis-Sur Murrell jiġi arrestat qabel inħeles mingħajr akkuża sakemm isiru aktar investigazzjonijiet.

Kważi ġimgħatejn wara, it-teżorier tal-SNP Colin Beattie ġie arrestat ukoll u lliberat mingħajr akkuża waqt li saru aktar inkjesti. Is-Sur Beattie irriżenja minn teżorier tal-partit ftit wara.

Is-Sinjura Sturgeon, is-Sur Murrell u s-Sur Beattie kienu t-tliet firmatarji fuq il-kontijiet tal-SNP.

Skont l-Att tal-2016 dwar il-Ġustizzja Kriminali tal-Iskozja, il-pulizija tista’ teħles lil suspettat għal aktar investigazzjoni, iżda jistgħu jerġgħu jiġu arrestati f’data aktar tard.

Kelliem għall-SNP qal li l-partit mhux se jikkummenta dwar l-arrest tas-Sinjura Sturgeon, u żied: “Dawn il-kwistjonijiet huma suġġetti għal investigazzjoni diretta tal-pulizija.

“L-SNP ilhom jikkooperaw bis-sħiħ ma’ din l-investigazzjoni u se jkomplu jagħmlu dan iżda mhux xieraq li jiġu indirizzati pubblikament xi kwistjonijiet waqt li dik l-investigazzjoni tkun għaddejja.”

Sport