Il-kummissjoni elettorali tal-Pakistan ipprojbiet lill-eks Prim Ministru Imran Khan milli jokkupa karigi pubbliċi, każ li l-eks player tal-cricket iddeskrivieh bħala wieħed motivat politikament.
Il-każ qam hekk kif Khan qiegħed jiġi akkużat li żamm mistura dettalji ta’ rigali li rċieva mingħand dinjitarji barranin kif ukoll dħul li seta’ għamel minnhom wara li allegatament biegħhom. Fost dawn ir-rigali kien hemm arlogg tad-ditta Rolex, ċurkett u par cuff links. Min-naħa tagħhom l-avukati ta’ Khan qalu li huma se jkunu qegħdin jappellaw dan quddiem qorti għolja.
Id-deċiżjoni fil-konfront tal-eks mexxej tal-pajjiż ittieħdet minn pannel ta’ ħames membri tal-kummissjoni elettorali u l-votazzjoni kienet unanima. Din hija daqqa ta’ ħarta kbira għal Khan hekk kif dan għadu jgawdi popolarità ma’ sezzjoni kbira tal-elettorat. S’issa għadu mhux magħruf kemm se ddum fis-seħħ din il-projbizzjoni. Dwar il-każ tar-rigali, ix-xahar li għadda Khan kien ammetta li biegħ minn tal-inqas erba’ rigali li rċieva fil-perjodu li dam imexxi l-pajjiż, u qal li d-dħul kien irreġistrah fil-formula tat-taxxa. Huwa qed jinnega kull allegazzjoni li qiegħda ssir fil-konfront tiegħu.