Dr Alex Sceberras Trigona kien Membru Parlamentari u Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta (1981-1987).
Huwa kien ukoll il-Mibgħut Speċjali [Special Envoy] tal-Prim Ministri Dom Mintoff, Joseph Muscat u Robert Abela.
Fl-1973 huwa kiseb Dottorat fil-Liġi b’teżi konsegwenzjali dwar “Il-Bidla Kostituzzjonali u l-Kostituzzjoni Maltija” segwita, kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza, fl-introduzzjoni tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta tal-1974.
Sciberras Trigona kien magħżul sabiex kompla jistudja fl-Università ta’ Oxford bħala Rhodes Scholar fejn iggradwa bit-teżi multidixxiplinarja tiegħu dwar “The Anglo-Maltese crisis 1971-1972”.
Sceberras Trigona kien President tal-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti Universitarji (S.R.C.) u editur ta’ “It-Toga,” tal-Bord editorjali “Id-Dritt” u editur ta’ “Il-Ħsieb” (1978-1992).
Kien ipprattika l-liġi bħala Nutar Pubbliku u huwa wkoll Ambaxxatur ta’ Malta għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f’Ġinevra,
Arbitru fuq iċ-Ċentru Internazzjonali tal-Arbitraġġ Kummerċjali u membru tal-Kunsill Xjentifiku tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Istudji Progressivi (FEPS) fi Brussell.
Huwa membru anzjan u Ko-fundatur ta’ DiploFoundation ġewwa Ġinevra; Lettur Anzjan fil-Private International Law u Lettur anzjan fid-Diplomazija fl-Università ta’ Malta u fl-Akkademja tal-Mediterran għall-Istudji Diplomatiċi (MEDAC).
Bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, huwa rebaħ u mexxa l-ewwel mandat ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda (1983-1984).
Kien innegozja l-ftehimiet ta’ newtralità ta’ Malta mal-Italja, Franza, il-Libja, l-Alġerija, l-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti tal-Amerika.
Sceberras Trigona nieda appell internazzjonali sabiex tiġi protetta l-infrastruttura kritika tal-internet bħala parti mill-‘Common Heritage of Mankind’ f’Kuala Lumpur fl-1997; fl-2003 fiż-żewġ laqgħat Dinjin dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) f’Ġinevra, fl-2005 u ġewwa Tuneż; fil-Konferenza tal-UNESCO ta’ Pariġi tal-2015; fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2015 WSIS+10 fi New York, u fl-2019 fil-konferenza “Il-Ġid Komuni fl-Era Diġitali,” fil-Vatikan.
Dolores Cristina
Dolores Cristina twieldet l-Isla fl-1949. Hija eks politikant Maltija li serviet f’diversi karigi ministerjali taħt gvernijiet Nazzjonalisti.
Hija ggradwat mir-RUM (Royal University of Malta) bil-grad ta’ Bachelor of Arts (Hons) u kellha diversi karigi bħala għalliema fil-livelli Sekondarji u Post-Sekondarji tal-Istorja u l-Ingliż.
Bejn l-1991 u l-1995 okkupat il-kariga ta’ President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, b’involviment qawwi fis-settur tal-volontarjat.
Cristina kienet ukoll President tas-Sezzjoni Nisa u President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-1996 ikkontestat mingħajr suċċess l-Elezzjoni Ġenerali u fl-1998 serviet għal żmien qasir bħala Sindku tas-Swieqi sakemm ġiet eletta fil-Parlament fl-istess sena mill-10 distrett.
Matul il-leġiżlatura hija okkupat il-kariga ta’ President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin. Fl-elezzjoni ġenerali tal-2003 reġgħet ġiet eletta fil-Parlament mid-9 Distrett u saret Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali.
Fir-reshuffle tal-Kabinett tal-2004 hija nħatret bħala Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, b’portafoll li jinkludi l-politika soċjali, il-politika tal-familja, il-politika tat-tfal, servizzi ta’ solidarjetà, sigurtà soċjali, djar soċjali u ugwaljanza.
Fl-2008, kif ġiet eletta mid-9 u mill-10 distrett, Cristina nħatret bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Kultura u assumiet ukoll ir-responsabbiltà għall-Ministeru għall-Politika Soċjali matul is-snin 2010-2012.
Fl-2013, Dolores Cristina ġiet maħtura Aġent President, kariga li okkupat sal-2022.