L-eks Re ta’ Spanja juan Carlos telaq mill-pajjiż għal destinazzjoni mhux magħrufa, ġimgħat wara li kien marbut ma’ inkjesta dwar allegata korruzzjoni.
Juan Carlos, ta’ 82 sena, ħabbar l-intenzjoni tiegħu lbieraħ f’ittra mibgħuta lil ibnu, Felipe, li llum il-ġurnata huwa r-Re ta’ Spanja.
Huwa qal li se jkun disponibbli jekk il-prosekuturi jkunu jridu jinterrogawh.
F’Ġunju li għadda, il-Qorti Suprema Spanjola kienet fetħet inkjesta dwar l-allegat involviment ta’ Juan Carlos f’kuntratt ta’ bini ta’ ferrovija b’veloċità għolja fl-Arabja Sawdija.
Il-ġurnal El Pais irrapportat li aktarx li juan Carlos kien diġà telaq mill-pajjiż meta l-ittra ntbagħtet lil ibnu lbieraħ.
Għalkemm id-destinazzjoni ta’ Juan Carlos għadh mhix magħrufa, il-midja Spanjola qed tirrapporta li Juan Carlos aktarx mar ir-Repubblika Dominikana.