Friday, December 27, 2024

L-eks sieħba ta’ Dan-Andrei tgħid li hu, ħuh u Constantin kienu involuti fil-ġlieda ta’ San Ġiljan

Aqra wkoll

Fil-Qorti llum kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Josef Rivas — ir-raġel ta’ ċittadinanza doppja li nstab mejjet f’San Ġiljan — bix-xhieda li ta l-Ispettur Kurt Zahra quddiem il-Maġistrat Nadine Lia. 

Rivas huwa r-raġel ta’ 44 sena li nstab mejjet fil-5 ta’ Diċembru li għadda wara li qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina fi Triq Ross.

L-Ispettur Zahra xehed li l-ġlieda bdiet f’ħanut tal-kafè u li waqt il-ġlieda ntużaw żewġ oġġetti oħra apparti s-skieken: tabella tal-injam u banketta. Skont persuna li kienet tinsab fil-post tad-delitt, apparti t-tliet akkużati – Ionut-Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan-Andrei Tanase ta’ 32 sena (żewġt aħwa Rumeni) u Ilie Constantin ta’ 31 sena – u l-vittma, kien hemm żewġ persuni oħra mal-vittma u wieħed minnhom qagħad josserva x’kien qed jiġri.

Kompla jingħad li Dan-Andrei kellu mus f’idu u wara li seħħ il-każ dan deher dieħel fl-istess appartament li kienu fih ħuh u Constantin, bil-fimati jixhdu li dan tal-aħħar deher jimsaħ id-demm. Barra minn hekk f’dan l-appartament kien hemm tfajla li wkoll bdiet tnaddaf id-demm. Intqal ukoll li l-akkużati aħwa libsu tibdila differenti qabel ma’ ħarġu mill-appartament.

L-Ispettur Zahra kompla jgħid fix-xhieda tiegħu li l-akkużati huma pimps ta’ prostituti nisa. Waħda minn dawn in-nisa, Elena Zarnesko, stqarret li l-eks sieħeb tagħha (Dan-Andrei) flimkien ma’ ħuh u kuġinuwhom (Constantin) kienu involuti fil-ġlieda ta’ San Ġiljan. Zarnesko qalet ukoll li l-akkużati kienu huma stess li għamlu rapport l-għassa ta’ San Ġiljan fejn iddikjaraw li kienu involuti fil-ġlieda.

Fl-istqarrija li għamel lill-pulizija, Dan-Andrei qal li huma kienu jinsabu mbeżżgħin minn Florian minħabba li rċevew messaġġ b’theddid fuq il-mowbajl ta’ Constantin u kien għalhekk li hu u ħuh kienu qed iġorru sikkina fuqhom. Dan wara li kienu.

Dan-Andrei kien qal lill-Pulizija li l-ħbiberija bejnhom u bejn Florian ma baqgħetx dik li kienet għaliex huma kienu miftehim li jgħaddulu nofs id-dħul li jaqilgħu mill-prostituzzjoni iżda mbagħad bdew jaħdmu għal rashom.

Ekonomija

Sport