Sunday, October 27, 2024

L-eks suldat Godwin Schembri kellu mal-20 każ ta’ dixxiplina – xhieda fil-Qorti

Aqra wkoll

L-eks suldat Godwin Schembri, li fl-2018 tkeċċa mill-impjieg wara li ħareġ filmat tiegħu jiżżufjetta bl-armata, kien iffaċċja ‘l fuq minn 20 każ ta’ dixxiplina tul il-karriera militari tiegħu. 

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Brigadier Jeffrey Curmi li semma numru ta’ każijiet li jinvolvu lill-eks suldat fosthom li allegatament ħebb għal immigrant li kien qed jeskorta f’titjira ta’ ripatrijazzjoni, li ħadem bħala bouncer illegalment u li kien iġorr il-pepper spray mingħajr liċenzja. 

Quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale, is-Sur Curmi xehed li: “Godwin Schembri, matul il-karriera tiegħu fil-Forzi Armati ta’ Malta mill-2003 sal-2012, kellu lista twila ta’ rapporti dixxiplinarji. Kellu ‘l fuq minn 20 akkuża u ngħata tliet twissijiet uffiċjali.” 

Huwa kompla jgħid li l-problema kienet li l-imġiba ħażina ta’ Schembri baqgħet għaddejja matul is-snin. Qal ukoll li Schembri kellu “numru sostanzjali” ta’ akkużi militari waqt iż-żmien tiegħu fl-Armata.

Mitlub jagħti eżempji, ix-xhud semma fost l-oħrajn kundanna relatata mat-traffiku fl-2009, li għaliha kien inħareġ mandat ta’ arrest kontra l-eks suldat. Qal li f’okkażjoni oħra, fit-28 ta’ Ottubru 2013, il-Qorti kienet sabitu ħati li ħebb għal tlett irġiel fil-Qawra bil-pepper spray u darabhom ħafif. 

Mistoqsi dwar jekk kienx hemm “raġunijiet oħra” għat-tkeċċija ta’ Schembri, ix-xhud wieġeb “għax kien għamel ħafna żbalji, inkluż li ħa filmat. Qaluli dwaru tlett ijiem qabel it-tkeċċija tiegħu u mbagħad kont irċevejt mijiet ta’ kummenti minn nies differenti dwar il-video.”

Il-Brigadier Jeffrey Curmi qal ukoll li kien l-uffiċjal kmandant ta’ Schembri, il-Maġġur Edric Zahra, li ħa azzjoni dixxiplinarja kontra l-istess Schembri fuq il-filmat. 

Il-każ ikompli f’Mejju. 

L-Avukati Marion Camilleri u Mario Spiteri dehru għal Schembri. 

Sport