“Bħalissa fl-Ungerija t-tensjoni kompliet tiżdied hekk kif il-kampanja riesqa lejn il-qofol tagħha bl-elezzjoni ġenerali wara l-bieb. L-aħħar indikazzjonijiet qed juru li Orbán, li ilu Prim Ministru tal-Ungerija sa mill-2010, hemm ċans kbir li jitlef din l-elezzjoni. Dan minkejja l-appoġġ li għadu jgawdi sal-lum stess minn pajjiżi influwenti bħall-Istati Uniti fejn il-President Trump bagħat lill-Viċi President Amerikan JD Vance biex saħansitra jipparteċipa f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Ungerija stess u anki faħħar pubblikament lil Orbán. Huwa interessanti wkoll li Orbán jidher li se jitlef ma’ Partit li kien nibet mill-Partit tiegħu stess.”
Dan iddikjarah il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Daniel Attard, meta kkummenta ma’ It-TORĊA dwar din l-elezzjoni. Sostna li “bħala politiku bi twemmin Soċjalista ma nistax ukoll ma nikkummentax fuq il-Partiti Soċjalista fl-Ungerija. Il-Partit Soċjalista fl-Ungerija kien partit wieħed li eventwalment inqasam fi tnejn u llum jinsabu fl-iktar livelli baxxi li qatt kienu tant li partit minnhom lanqas biss se jikkontesta”.
“Dan kważi kważi jagħti x’jifhem li l-partit ma fadallu l-ebda skop għax wara kollox l-għan ewlieni ta’ partit politiku huwa li jikkontesta elezzjoni bl-intenzjoni li jkun rappreżentat fil-Parlament ta’ pajjiż. Il-Partit Soċjalista l-ieħor li se jikkontesta qed jidher li lanqas biss se jilħaq it-threshold Parlamentari ta’ 5 fil-mija. Dan ifisser li hemm ċans kbir ħafna li fil-Parlament Ungeriż is-Soċjalisti mhumiex se jkunu rappreżentati”.
“Barra minn hekk diversi esponenti tal-partit Soċjalista qed iħeġġu lill-partitarji tagħhom biex jivvotaw lill-Partit Tisza u mhux lill-partit tagħhom stess għax dak huwa l-uniku mod li jistgħu jegħlbu lil Orbán. Skont l-aħħar sondaġġi filfatt, qed jidher ċar li l-probabiltà hi li fil-Parlament Ungeriż se jkun hemm biss żewġ partiti li jappartjenu għal-lemin – wieħed tal-lemin estrem u ieħor li ħareġ minnu.”
Enfasizza li “fl-aħħar jiem ukoll fl-Ungerija kompliet tiżdied it-tensjoni hekk kif ħarġu leaks dwar ir-rabtiet li l-partit ta’ Orbán u hu nnifsu għandhom mal-President Putin. Barra minn hekk kien hemm ukoll affarijiet oħra li komplew iżidu t-tensjoni fosthom rapporti ta’ inċidenti f’pajjiżi oħrajn kif ukoll il-mod ta’ kif mexxa l-kampanja tiegħu Orbán li tista’ tgħid li fil-kampanja elettorali tiegħu pproġetta lill-Ukrajna – pajjiż mifni fi gwerra – bħala għadu tal-pajjiż”.
“Fil-fatt kien hemm anki posters u mezzi oħra ta’ propoganda li juru lill-President Zelensky u lil Von der Leyen bħala aġenti li qed jaħdmu kontra l-interessi tal-Ungerija kemm permezz ta’ allegat indħil politiku kif ukoll permezz ta’ allegat theddid fuq is-sigurtà tal-enerġija.”

