Kulħadd kien qed jistenna li l-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni b’numru ta’ voti mdaqqas. Madanakollu, ftit kienu dawk li stennew li l-Partit Laburista kien se jżid fil-maġġoranza. Għalkemm iż-żewġ partiti naqqsu fil-voti, il-Partit Nazzjonalista naqqas ammont ta’ voti konsiderevoli aktar mill-Partit Laburista.
Dan jippunta għal numru t’affarijiet. Ibda biex, għandek numru konsiderevoli ta’ nies li jinsabu aljenati bis-sistema politika Maltija. Dawn in-nies, mhux talli ma jħossuhomx komdi jivvutaw lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista, imma wkoll ma jħossuhomx komdi jivvutaw lill-Partiti ż-żgħar.
Kellek madwar 51,000 li ma ġabrux il-vot tagħhom, u 9,000 votant ieħor li ddeċidew li jħassru l-vot. Meta tgħodd dawn in-numri flimkien allura, ssib għandek numru konsiderevoli ta’ nies li mhu jinspirahom ħadd – u din hija xi ħaġa li kull Partit, kbir jew żgħir, irid jara kif ser jindirizza. Jista’ jkun li wasal iż-żmien li Malta jibda Partit ieħor li jkun jista’ jindirizza l-għatx ta’ dawn in-nies? Iż-żmien itina parir f’dan ir-rigward.
Għalkemm il-Partit Laburista ilu disa’ snin fil-Gvern, xejn ma waqqaf mill-enerġija tal-Partit bi tmexxija ġdida, kandidati ġodda u magna organizzata li kif jgħidu bl-ingliż, “it covered all the basis”. Biss però, xorta waħda huwa viżibbli li hemm ċertu weġgħat li l-istess Partit irid jindirizza fiż-żmien li ġej, għalkemm huwa diffiċli ħafna biex wieħed ma jimmaġinax li l-Partit ser jibqa’ f’pożizzjoni relattivament b’saħħitha.
Il-Partit Nazzjonalista fuq in-naħa l-oħra, irnexxielu jagħmel l-impossibbli. Irnexxielu jmur agħar mir-riżultati diżastrużi tal-2013 u l-2017. Forsi ssib min jibqa’ jittama u jgħidlek li l-Partit jista’ jirranġa fiż-żmien li ġej. Sfortunatament ma naħsibx li dan hu l-każ. Kif inhu strutturat il-Partit Nazzjonalista, għandek tista’ tgħid żewġ fazzjonijiet maġġuri: Għandek il-fazzjoni konservattiva, u dik liberali, li tikkostitwixxi mis-sezzjoni tal-popolazzjoni li hija l-aktar liberali fil-pajjiż. Dawn il-fazzjonijiet m’għandhom xejn komuni, għajr ħaġa waħda: l-attitudni ħażina u l-mod li jħarsu bih lejn il-Partit Laburista, il-Laburisti, u dawk kollha li ma jaqblux magħhom. Il-problema tiġi hawn: li l-unika ħaġa li qed tgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista, jiġifieri l-attitudni u l-intolleranza tiegħu, hija l-istess ħaġa li qed tkompli toqtol u tkisser lill-Partit elettoralment.
Il-PN għaldaqstant jinstab f’ċirku vizzjuż li fl-opinjoni tiegħi jista’ jispiċċa biss b’żewġ modi: jew billi l-istess Partit jimplodi, inkella billi jattira mexxej ġdid li jkun ‘larger than life’ biex forsi jagħmel progress. Madanakollu, anke f’dan il-każ tal-aħħar, ikun il-Mexxej li jkun qed jagħmel suċċess, u mhux il-Partit u l-istruttra tiegħu.
Il-problema għall-PN hija li kif inhuma l-affarijiet, dment li hemm il-PN, il-Partit Laburista se jkompli jissaħħaħ, u dan għaliex tant kemm għandek nies li ma jridux jafu bil-PN, li l-PL spiċċa s-‘safe haven’ tagħhom. In-nies tant jibżgħu mill-PN u minn ċerti elementi fi ħdanu, li jippreferu lill-Partit Laburista, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu.
Għaldaqstant, nagħlaq dan l-artiklu kif għalaqt artiklu ieħor li ktibt f’Diċembru tas-sena li għaddiet: “X’jiġrilu l-Partit Laburista, kieku l-Partit Nazzjonalista kellhu jinqasam, jew inkella jispiċċa darba għal dejjem? Jissaħħaħ, jew jitlef mis-saħħa konsiderevoli li għandu? Jaf fil-bidu jissaħħaħ, imma mbagħad, wara ftit xhur u snin, żgur ma jibqax jiekol minn fuq l-inkompetenza, id-double standards u t-taħwid tal-PN.”
Tislijiet lil kulħadd.