Tuesday, September 24, 2024

“L-elezzjoni tal-2017 ġiet kmieni għax kienet se tinqatel Daphne” – Jason Azzopardi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi insista fil-Parlament li l-eks-prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni ġenerali kmieni fl-2017 għax kien jaf li se tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Huwa għamel din l-allegazzjoni fil-Parlament fejn sostna li kien hemm żewġ xenarji b’dak li iddeskriva bħal ‘best case scenario’ kien li Caruana Galizia kienet se toħroġ l-istorja dwar il-Montenegro u l-‘worst case scenario’ li Muscat kien jaf bil-pjan.

Azzopardi ddesrkiva d-deċiżjoni li tissejjaħ elezzjoni kmieni bħala waħda “korotta u mċappsa bid-demm” u nsista li bilfors ried jeħles minn elezzjoni qabel tinqatel.

Huwa rrefera għall-inkjesta pubblika dwar l-imsemmi qtil fejn sostna li fis-seduta ta’ dakinhar stess ħareġ li t-tliet ‘burner phones’ inxtraw lejn l-aħħar tal-2016 u li Yorgen Fenech kien ilu minn Diċembru 2016 jaf bl-elezzjoni bikrija.

Azzopardi ddeskriva lil Muscat bħala “giddieb” u sostna li jekk dak li ħareġ huwa kumbinazzjoni kien se jitlobhom jgħidulu x’se jitla’ lottu ħalli jilgħabhom.

Huwa akkuża lil Konrad Mizzi bħala korrott, qabblu wkoll mal-eks-Ministru Laburista tas-snin 80 Lorry Sant u sosnta li jiddispjaċih li t-tnejn li huma kienu ġejjin mill-istess distrett li jikkontesta hu jiġifieri dak ta’ Raħal Ġdid.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela x’se jagħmel b’Muscat u sostna li l-Gvern għad irid jitlob skuża lill-Oppożizzjoni nkluż lill-eks-kap tagħha Simon Busuttil.

Sport