Saturday, December 21, 2024

“L-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu hi għażla ċara bejn il-futur u l-passat” – Rebecca Buttigieg

Aqra wkoll

Rebecca Buttigieg hija żagħżugħa enerġetika, determinata u sensittiva. Minn dejjem kienet interessata fl-istorja u dik rabbiet fiha l-imħabba għall-qari. Lil hinn mill-politika tħobb issiefer ma’ żewġha fejn flimkien jiskopru kulturi u tradizzjonijiet differenti. 

Iżda minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?   

Għandi 28 sena u ilni involuta fil-politika għal dawn l-aħħar għaxar snin. Iggradwajt fix-xjenza politika mill-Università ta’ Malta u ksibt Masters (MSc) fil-Kriminalità Internazzjonali, Ġustizzja u s-Sigurtà mill-Università ta’ Edinburgh. Wara li lestejt l-istudji tiegħi kelli l-opportunità li naħdem Dar Malta waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, waħda mill-aktar avvenimenti diplomatiċi storiċi għal pajjiżna. Wara li ġejt lura Malta, bdejt naħdem bħala Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-Żgħar. Minn Jannar 2020, bdejt naħdem fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi bħala Uffiċjal tal-Komunikazzjoni. L-esperjenza tiegħi fi Brussell u mbagħa f’Malta għalmitni li l-politika tista’ tbiddel il-ħajja tan-nies. Għalhekk l-aspirazzjoniji tiegħi hi li nirrapreżenta lill-komunitajiet tad-9 u l-10 distrett fil-Parlament. 

Għalfejn ħasset li kellha tagħmel dan il-pass proprju issa? 

Il-politika hija għodda mill-isbaħ meta tintuża għall-ġid tal-komunità u hija din il-motivazzjoni waslitni biex inkun kandidata  fuq id-disa’ u l-għaxar distrett elettorali. Ilni attiva fil-Partit għal kważi għaxar snin u mill-ħidma tiegħi fuq livell lokali ndunajt kemm il-politika taffettwa l-ħajja tan-nies tista’ tgħid minn kull aspett.  

Il-politika tista’ litteralment issawwar l-ambjent tagħna u lkoll kemm aħna għandna nagħtu sehmna b’xi mod jew ieħor. Jekk le, inkunu qed inħallu lil ħaddieħor jieħu d-deċiżjonijiet għalina. Tista’ tkun kwistjoni sempliċi li nieħdu for granted jew inkella kwistjoni li tista’ titfa’ lill-pajjiż fuq rotta differenti. Din rajniha sseħħ fl-aħħar snin hekk kif  il-Parlament għadda diversi liġijiet dwar il-libertajiet ċivili li biddlu lil Malta minn pajjiż konservattiv għal wieħed mill-iktar nazzjonijiet progressivi fl-Ewropa. 

Dan wassalni għad-deċiżjoni li nikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista. Għaliex huwa l-partit li jemmen li kulħadd għandu jkun fil-libertà li jkun dak li jrid ikun, huwa l-partit li jimpurtah minn kull tip ta’ familja, il-partit li xpruna d-drittijiet ċivili, il-partit li dejjem jaqbeż għaż-żgħir, il-partit li jemmen fil-ġustizzja soċjali u l-partit li għen biex tinbena l-middleclass kif nafuha llum. Din il-lista tiġbor fiha x’inhuma l-valuri ewlenin tiegħi. Fl-aħħar, l-istorja tal-Partit Laburista u dak li wettaq u sostna matul is-seklu li għadda, huma parti kbira għalfejn għażilt li nikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

It-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, edukazzjoni ta’ kwalità, u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma biss ftit mill-kwistjonijiet li jolqtu lilna b’xi mod jew ieħor u kollha jridu jiġu indirizzati mir-rappreżentanti eletti tagħna. Kull deċiżjoni tgħodd u għalhekk nemmen li bħala żgħażagħ, il-futur ta’ pajjiżna jinsab f’idejna. 

Iżda x’inhu s-sigriet biex taghmel dan kollu u ssib bilanċ u ħin għal kollox? 

Nemmen li hemm ħin għal kollox fil-ħajja. Ix-xogħol tiegħi huwa wieħed impenjattiv u li jżommni l-bogħod mill-familja tiegħi għal ħin twil għalhekk għamilt patt miegħi nniffsi li nżomm ftit sigħat fil-ġimgħa biex inqatta’ ftit ħin ta’ kwalità mal-familja u ħbieb. Nammetti li din mhux dejjem faċli għaliex ix-xogħol dejjem jiżdied iżda iktar ma nikber iktar ninduna li l-ħin mal-familja huwa prezzjuż u għandi dejjem niddedika ħin għalih.

X’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li Rebecca qed tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits? 

Din hija l-ewwel esperjenza tiegħi bħala kandidata u nista’ ngħid li laqatni ħafna l-ottimiżmu li għandhom in-nies u s-sens ta’ serħan il-moħħ li hemm fost il-familji. Ejja ngħiduha kif inhi, kienu sentejn diffiċli għal kulħadd hekk kif il-pandemija ġabet magħha diversi sfidi iżda t-tmexxija soda tal-Gvern waslet biex in-nies iħossuhom protetti f’dawn iż-żminijiet iebsin. Kulħadd sab spalla fi Gvern Laburista u dan jgħiduhuli diversi drabi waqt il-home visits. Naturalment, fid-distrett li ġejja minnu kien impattat ħafna mill-iżvilupp f’dawn l-aħħar snin għalhekk ir-residenti huma għatxana għal aktar spazji miftuħa fil-qalba tal-komunitajiet tagħna u nemmen li dik hi il-qabża ta’ kwalità li jista’ joffri l-Partit Laburista fil-leġiżlatura li jmiss. 

Skond Rebecca, kemm għadu validu it-twemmin politiku li jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista.? 

Nemmen li llum il-ġurnata huwa validu aktar minn qatt qabel għaliex qed ngħixu realtajiet ġodda li jeħtieġu miżuri soċjalisti sabiex jiġu indirizzati b’mod xieraq. Insemmi s-settur tal-akkommodazzjoni soċjali, li minn dejjem kien tarka tal-Partit Laburista, iżda llum ħa żvolta differenti għaliex qed nimxu lil hinn mill-politika fejn din l-isfida tiġi indirzzata biss billi jinbnew djar ġodda. Fid-dinja tal-lum, dan il-prinċipju evolva u għalhekk rajna l-ħolqien ta’ diversi skemi ġodda mill-Awtorità tad-Djar biex tgħin lil aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom. L-Equity Sharing Scheme, New Hope Guarantee u l-aktar proposta riċenti tal-Partit Laburista li għall-ewwel 10 snin tal-loan, il-Gvern se jħallas €1,000 mill-pagament tal-loan tal-first-time buyers fuq xiri tal-ewwel proprjetà residenzjali ser tkompli tgħin aktar żgħażagħ jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dawn il-miżuri huma kollha msejsa fuq prinċipji soċjalisti iżda addattati għad-dinja li qed ngħixu fiha. 

Jekk tinghata l-fiducja, x’timbru tixtieq tħalli bħala Membru Parlamentari? 

Jekk il-komunitajiet tad-disa’ u l-għaxar distrett ituni l-fiduċja tagħhom fl-elezzjoni li ġejja ser naħdem sabiex inkun il-vuċi tagħhom fil-Parlament. Ser naħdem biex nassigura li flimkien nibqgħu nimxu ‘l quddiem. Għamilna avvanzi kbar f’dawn l-aħħar snin li bidlu lil Malta minn pajjiż tat-tieni klassi għal wieħed modern u progressiv u nixtieq li dawn l-istandards mhux biss inżommuhom iżda ntejjbuhom. 

Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diga għamel bosta riformi. Fis-snin li gejjin, Rebecca, kif tara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded? 

Nemmen li minkejja s-suċċessi li kiseb il-Partit tul l-aħħar snin baqa’ jiġġedded fuq diversi livelli. Iġġedded fil-ħsieb u fil-mod kif indirizza l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà. Żgur li hemm ċirkostanzi li llum, wara l-Covid-19, huma xi ftit jew wisq differenti minn kif kienu sa ftit xhur ilu. Huwa l-obbligu tal-Partit Laburista li jiddiskuti, jaħseb dwar u jipproponi politika aġġornata li twassal biex il-pajjiż iżomm ir-ritmu li qabad fl-aħħar snin.  Iżda, hemm ukoll oqsma fejn irridu naraw x’bidliet jista’ jkun hemm jekk irridu ntejbu wkoll il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Irridu nkunu aħna, l-iktar forza progressiva fil-pajjiż, li noffru din it-tip ta’ triq u viżjoni. M’hemmx dubju li l-white paper dwar ir-riforma tal-cannabis, il-white paper fuq l-electronic tagging u r-riforma fil-liġi tal-kirjiet qabel l-1995, huma xhieda ċara ta’ dan.  Il-Partit Laburista jinsab f’pożizzjoni mill-aqwa biex ifassal il-futur ta’ dan il-pajjiż. L-importanti li dan kollu jibqa’ jsir fi spirtu ta’ tim. Ħadd ma jista’ jasal waħdu. Wisq inqas jista’ jasal il-Partit jekk ma nkunux magħqudin. Anke taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela din baqgħet karateristika li tiddistingwixxina.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Rebecca, xtaqet twassal messaġġ lill-elettorat Malti…

L-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu hi għażla ċara bejn il-futur u l-passat. Fl-aħħar sentejn il-Prim Ministru Robert Abela kellu jiffaċċja pandemija; kriżi internazzjonali kbira fl-oqsma tas-saħħa u l-ekonomija. Minn dan Malta ħarġet bħala l-pajjiż bl-ikbar rata ta’ vaċċinazzjoni u fost l-iktar ekonomiji li qed jirkupraw malajr fl-Ewropa. Issa l-mistoqsija hi li l-elettorat irid iwieġeb hi jekk hux se mmorru ’l quddiem għal futur isbaħ b’Robert Abela u l-Partit Laburista fit-tmexxija, jew se nreġġgħu l-arloġġ lura

b’Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech maħkum mill-istess grupp ta’ nies li ħatfu lill-Partit Nazzjonalista għal ħafna snin? Hija għażla li rridu nagħmlu f’mument meta l-pajjiż qed jirkupra u se jibda l-isbaħ perjodu tiegħu. Il-prospetti għall-ġejjieni huma sbieħ.  

Ekonomija

Sport