Wednesday, November 27, 2024

L-ELEZZJONI U L-GĦAŻLA BEJN IL-PROPOSTI TAL-PARTITI

Aqra wkoll

Hekk kif il-kampanji elettorali tal-partiti ewlenin bdew jirrankaw sew, qegħdin jitressqu quddiem il-poplu għadd ta’ proposti li l-għan tagħhom huwa dak li jagħtu l-viżjoni ta’ fejn iridu jieħdu lil din gżiritna fis-snin li ġejjin. 

Proprju fl-ewwel jum tal-kampanja tiegħu, il-Partit Laburista ppreżenta l-ewwel sett ta’ proposti li jinkludu €700 miljun f’seba’ snin għal spazji ħodor miftuħa, pagi aħjar u tnaqqis fl-income tax, żidiet għall-pensjonanti, inqas taxxi għan-negozji u sussidju ta’ €10,000 lill-first time buyers fuq medda ta’ 10 snin, jiġifieri €1,000 fis-sena.

Dawn il-proposti jidher li ntlaqgħu tajjeb speċjalment f’dak li jirrigwardja l-ambjent fejn l-enfasi se tkun fuq spazji ħodor ġodda l-iktar f’dawk l-inħawi li sal-lum ftit kellhom opportunità li jgawdu minn spazju miftuħ.

Dan l-investiment se jara l-bini ta’ parks, ġonna, jiġu introdotti mini bi spazji ħodor fuqhom u parkeġġi taħt l-art fejn hu possibbli. Proposta innovattiva tal-Partit Laburista hija li fejn hu possibbli l-Gvern anke lest jixtri ġonna privati għat-tgawdija tal-pubbliku inġenerali. 

B’kuntrast mal-Partit Nazzjonalista li qed iwiegħed proposti li se jkunu msejsin fuq id-djun, wieħed għad irid jisma’ aktar kif dawn il-proposti se jitwettqu fil-prattika jekk il-poplu jivvota għall-Partit Nazzjonalista. Proposta oħra tal-PN hija li joħloq 10 setturi ekonomiċi ġodda, li wħud minnhom diġà jeżistu f’pajjiżna. 

Hawnhekk il-poplu jistaqsi x’direzzjoni jew x’viżjoni għandu l-Partit Nazzjonalista għall-futur meta saħansitra fil-bidu tal-kampanja elettorali diġà kellu erba’ Deputati prominenti tiegħu li ddikjaraw li mhumiex se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Għaldaqstant, issa li ninsabu mexjin b’ritmu mgħaġġel lejn is-26 ta’ Marzu, il-poplu se jkollu din l-għażla quddiemu x’jixtarr bejn dak li qed joffru l-partiti lill-poplu Malti. Il-poplu huwa sovran u r-rieda tiegħu trid tiġi mwettqa sal-aħħar punt.

Sport