Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison ħabbar li l-elezzjoni federali se tkun qiegħda ssir fil-21 ta’ Mejju li ġej.
Il-koalizzjoni mmexxija minn Morrison għandha 76 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti – il-minimu rikjest biex koalizzjoni tkun tista’ jmexxi.
Skont sondaġġi li saru fl-aħħar ġimgħat, kollox qiegħed jindika li fl-Awstralja se jkun hemm tibdil fil-gvern, bil-partit Labor immexxi minn Anthony Albanese mistenni li jieħu l-poter. Il-partit Labor huwa ta’ twemmin ċentru xellugi.
Tajjeb li wieħed ifakkar iżda li fl-elezzjoni li għaddiet il-partit ċentru lemini ta’ Morrison ukoll kien jidher li se jitlef iżda dan xorta waħda rebaħ lelezzjoni.
Morrison huwa l-ewwel mexxej Awstraljan mill-2007 ’l hawn li rnexxielu jagħmel it-term sħiħ tiegħu bħala PM. L-aħħar li kien għamel dan kien John Howard, li kien rebaħ erba’ elezzjonijiet konsekuttivi sakemm imbagħad tilef kontra Kevin Rudd tal-partit Labor fl-2007.