Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li vot kontra l-emendi mressqa mill-Gvern huwa vot kontra l-ġudikatura u vot kontra l-poplu.
Filwaqt li saħaq li dan il-pakkett ta’ riformi “ma ħolomx bih il-Gvern”, il-Prim Ministru nnota kif fid-diskors tal-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-Sena Forensi ta’ sentejn ilu, kien hu stess li aċċenna dwar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ dixxiplina fuq il-ġudikatura.
Dr Abela żied jgħid li dawn l-emendi proposti kollha kemm huma jsibu l-konfort u l-approvazzjoni tal-ġudikatura. Qal li “llejla għandna partit politiku li mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż irid iwaqqa’ l-kelma tal-ġudizzjarju, wieħed mit-tliet branki ewlenin tal-Istat. Din hi xi ħaġa, Sur Kap tal-Oppożizzjoni, li vera għandkom għax tistħu minnha.”
“Għax għandan l-ġudikatura li qed tgħidilna morru lleġiżlaw u għamlu metodu ta’ dixxiplina fuq il-ġudikatura sabiex aħna nkunu kontabbli lejn il-poplu u ma jkunx hemm dubju dwar it-trasparenza tagħna u intom lill-poplu qed issabtulu l-bieb f’wiċċu u dak li l-ġudikatura stess trid timponi fuqha nfisha intom qed tgħidulu li ma rridux nagħmluh,” qal il-Prim Ministru.
Huwa kompla jgħid li “llum ġejt quddiem il-Parlament u qed ngħid bħala Gvern lesti nagħtu iżjed setgħa lill-ġudikatura fil-ħatra tal-Prim Imħallef. Għaliex filwaqt li llum ħatra ta’ Mħallef u ta’ Maġistrat tispetta lill-Kumitat tal-għażla li fih għandha l-maġġoranza l-ġudikatura nfisha, meta tiġi għall-kwistjoni tal-Prim Imħallef, l-għażla taqa’ f’idejn dan il-Parlament biż-żewġ terzi. Imma l-ġudikatura nfisha m’għandha ebda rwol fil-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid.
“Qed ngħidu meta niġu għall-ħatra tal-Prim Imħallef li jmiss, il-Gvern jikkonsulta mal-Prim Imħallef, jisma’ x’inhi l-fehma tiegħu dwar min hu jemmen li għandu s-suċċessur tiegħu, però mmorru għand il-President ukoll u nisimgħu mingħandha dwar dak li temmen li għandu jkun il-Prim Imħallef li jmiss.
“Qed nagħtu rwol ġdid lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-ħatra tal-Prim Imħallef u qed jgħid li se jivvuta kontra. Waħda mir-riformi llejla tintroduċi funzjoni ġdida li ma kinitx hemm qabel lill-Kap tal-Oppożizzjoni u qed jgħid li ser jivvuta kontra. Probabbli qas qara’ li qiegħda hemm. Il-ġustifikazzjoni għala llejla se tivvuta kontra li l-Prim Imħallef, li l-ġudikatura jkollha rwol fil-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid x’inhi? Pika… tridu tnaqqsu r-rilevanza tal-ġudikatura. Basta tmorru tippuppaw lilkom infuskom bħala l-paladini tas-saltna tad-dritt!,” qal il-Prim Ministru.
Dr Abela nnota wkoll li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra li jinħoloq il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ġudikatura.