Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Lulju li għadda kienu pubblikati żewġ Abbozzi ta’ Liġijiet li l-Gvern isostni li bihom l-Awtorità tal-Ippjanar qed tressaq ‘il quddiem riformi ħolistiċi.
Il-Gvern qed jgħid li l-kunċett jibqa’ wieħed: iktar dixxiplina, ċarezza u ċertezza fil-qasam tal-ippjanar, b’saħħa bla preċedent lin-nies kontra l-abbuż u b’enfasi ikbar fuq żvilupp sostenibbli. Il-Gvern jemmen li llum pajjiżna jrid jibda paġna ġdida. Fejn min tħalla jiżbalja fil-passat iħallas b’mod aħrax t’għemilu u jagħti lura kumpens lill-pajjiż. Minn hemm ‘il quddiem jintbagħat sinjal favur ippjanar sensibbli u responsabbli li jagħti serħan il-moħħ u trankwillità lill-poplu.
Il-Gvern isostni li se jissaħħaħ id-dritt tan-nies biex jappellaw u għall-ewwel darba f’pajjiżna mhux se jkun aċċettat li jibda x-xogħol ta’ kostruzzjoni jekk ikun daħal appell fuq dak l-iżvilupp. Se jkunu indirizzati l-illegalitajiet u se jiżdiedu b’mod qawwi l-multi fuq l-abbuż bil-għan li jservu ta’ deterrent iebes.
Imma mhux hekk jaħseb “ħaddieħor”. “Ħaddieħor”, li ma jinkludix biss bħal dejjem lill-Partit Nazzjonalista imma wkoll lil diversi għaqdiet non-governattivi, ma jiddiskrevix dawn l-Abbozzi ta’ Liġijiet bħala li jagħtu drittijiet imsaħħa lin-nies. Anzi. Jakkużaw lill-Gvern li ċeda għall-iżviluppaturi. Li se jkun iż-żgħir li se jbati. Li se jitlef jew jitnaqqaslu mid-drittijiet li għandu bħalissa. Li min għandu l-flus jagħmel triq fil-baħar.
Interpretazzjonijiet differenti u kuntrastanti li jwassluk tiddubita jekk hux kulħadd qed jgħix fuq l-istess pjaneta.
Nhar il-Ħadd li għadda, 27 ta’ Lulju, 2025, dwar dan is-suġġett l-Avukat Alex Sciberras, President tal-Partit Laburista, tella’ dan il-post t’hawn taħt fuq Facebook. Qiegħed nirriproduċih kelma b’kelma.
“Kull deċiżjoni ta’ ppjanar tħalli marka – fuq triq, fuq ġnien, fuq raħal jew belt, fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Is-sistema tal-ippjanar f’Malta mhix biss dwar bini – hija dwar il-kwalità tal-ħajja tagħna, il-wirt tagħna, u x-xorta ta’ pajjiż li rridu nħallu warajna.
“Matul l-aħħar jum, smajt sew lil ħafna minnkom – żgħażagħ, professjonisti, residenti, attivisti – li tkellmu b’passjoni u tħassib dwar l-emendi proposti għal-liġijiet tal-ippjanar. Nifhem dan it-tħassib. Għax il-fiduċja fis-sistema hija importanti daqs is-sistema nfisha.
“Bħala persuna li temmen bis-sħiħ fil-missjoni soċjali tal-Partit Laburista, nemmen li bl-involviment ta’ kulħadd għandna nwettqu r-riformi li jirriflettu l-valuri li mexxewna dejjem: ġustizzja, viżjoni fit-tul, u rispett lejn il-komunità u l-ambjent.
“Għalhekk nemmen li hemm erba’ bidliet importanti li nistgħu nagħmlu:
Nissalvagwardaw id-dritt ta’ appell, sabiex il-komunitajiet ma jitħallewx barra mid-deċiżjonijiet li jolqtuhom direttament. Huwa tajjeb li jkun hemm ċertezza fil-proċess imma m’għandnix noħolqu limitazzjonijiet eċċessivi li jnaffru l-parteċipazzjoni tan-nies komuni fil-proċess.
Għandha tingħata ġustifikazzjoni pubblika u d-dritt ta’ reviżjoni għal kwalunkwe deċiżjoni li tagħmel eċċezzjoni mill-politika eżistenti, sabiex il-poter jintuża b’mod trasparenti u responsabbli.
Nirregolaw aħjar il-qafas tar-razzjonalizzazzjoni propost, biex nipproteġu spazji ħodor, nevitaw spekulazzjoni u npoġġu l-ħtiġijiet soċjali u tal-komunità fuq quddiem.
Inniedu Charter Nazzjonali tal-Ippjanar, bħala parti mill-Viżjoni 2050, mibni flimkien mal-pubbliku u l-esperti, li tiggwida żviluppi futuri b’prinċipji ċari ta’ sostenibbiltà, affordabbiltà u dinjità.
“Dan m’huwiex dwar oppożizzjoni għall-progress u l-iżvilupp. Huwa dwar li niżguraw li l-progress tagħna jkun riflessjoni tal-valuri tagħna – li l-Partit Laburista jibqa’ l-moviment li jippjana mhux biss għal-lum, imma għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin u li jassigura li l-progress ta’ pajjiżna jilħaq u jaħdem għal kulħadd.
“Ejja nibnu sistema ta’ ppjanar li tixraqilna lkoll – flimkien. Ejja nibqgħu aħna lkoll il-pijunieri tal-futur ta’ pajjiżna.”
Kitba li fiha x’tomgħod u x’tixtarr. Ngħid biss li hija kitba li għandha tingħata widen.