Dubai, UAE, 27 ta’ Lulju – L-Emirates qed tvara inizjattiva innovattiva li permezz tagħha l-passiġġieri ta’ din il-linja tal-ajru jkunu jistgħu jagħżlu minn qabel l-ikla prinċipali tagħhom minn 14-il jum sa 24 siegħa qabel it-titjira tagħhom. Din l-inizjattiva tiżgura li l-passiġġieri jkollhom l-għażla ta’ ikel preferut u fl-istess ħin tgħin biex jitnaqqas il-ħela tal-ikel.
L-inizjattiva se tidħol fis-seħħ mill-25 ta’ Lulju ‘l quddiem fil-Business Class, fuq it-titjiriet kollha bejn Dubai u Londra – Heathrow, Gatwick, u Stansted – u żżid aktar benefiċċji għall-klijenti tal-Emirates, ittejjeb il-ġestjoni tal-ħin, kif ukoll iżżid l-għarfien dwar il-konsum tal-ikel abbord.
L-ordnijiet minn qabel tal-ikel se jiġu miżjuda mal-ġabra eżistenti ta’ data dwar il-preferenzi tal-klijenti u dan jiffaċilita l-ippjanar tal-menu u t-tagħbija tal-ikel biex iwasslu l-esperjenza ta’ ‘ristorant fis-sema’ waqt it-titjira.
Sa 14-il jum qabel titjira, il-passiġġieri jkunu jistgħu jaraw il-menu abbord fuq is-sit https://www.emirates.com/english/experience/dining/meal-preorder/ jew fuq l-app Emirates, u jagħżlu minn selezzjoni ta’ platti ispirati mir-reġjun b’ingredjenti ta’ oriġini lokali. Il-passiġġieri jistgħu wkoll jordnaw minn qabel ikliet speċjali skond kif meħtieġ.
Fuq l-ajruplan, l-ekwipaġġ tal-kabina se juża applikazzjoni fuq apparat apposta biex jara l-għażla tal-ikel u jservi lill-passiġġier l-għażla tiegħu ta’ platt sħun. L-Emirates qed tippjana li tespandi l-inizjattiva tal-ordnijiet minn qabel tal-ikel għal aktar rotot u klassijiet fil-futur qarib u qed tissorvelja mill-qrib il-feedback tal-klijenti mill-fażi inizjali.
L-innovazzjoni tas-servizz tal-ordnijiet minn qabel tal-ikel hija inizjattiva oħra għall-konvenjenza ta’ min ikun qed jivvjaġġa, permezz tas-servizzi diġitali li jgawdu l-passiġġieri tal-Emirates. Minbarra ċ-check-in fil-websajt u ċ-check-in tal-app, l-għażla ta’ boarding pass diġitali u ġestjoni tal-itinerarji, il-passiġġieri jistgħu wkoll jaċċessaw menus diġitali minn qabel, jingħaqdu ma’ Emirates Skywards biex jaċċessaw immedjatament konnettività b’xejn ibbażata fuq il-livell ta’ sħubija u l-klassi tal-ivvjaġġar, u jqattgħu ħin iħejju playlist ta’ films favoriti, programmi televiżivi u mużika disponibbli fuq is-sistema ice, li jistgħu jissinkronizzaw mill-app tagħhom mal-iskrin tat-TV meta jitilgħu fuq l-ajruplan.
Il-passiġġieri tal-Emirates huma mistiedna wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-aspetti kollha tat-titjira fi stħarriġ diġitali li jidher fuq l-iskrin waqt it-titjira.