Minn Cristian Muscat
Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?
Matul is-snin ipprattikajt diversi sports differenti. Ta’ età iżgħar, kont qattajt ftit snin nitħarreġ l-atletika madankollu kont waqaft għal xi raġuni jew oħra peress li bdejt niffoka l-aktar fuq il-ġinnastika li ilni nitħarreġ minn meta kelli seba’ snin u għadni nitħarreġ sal-lum. Niftakar li kont interessat fl-pole vaulting iżda ta’ età żgħira qatt ma kont ipprovajtu. Missieri, Mario Bonello, dejjem kien involut ħafna fil-komunità tal-atletika, u bħala l-kowċ tat-tim nazzjonali, ra vojt ta’ atleti fl-avveniment tal-pole vault. Wara l-isfond tal-ġinnastika, iddeċidejt li nipprova l-atletika u minn hemm, qatt ma ħarist lura!
Ta’ kemm -il sena, bdejt tipprattika l-atletika?
Ta’ 16-il sena, lejn l-aħħar tal-2020. Dan huwa r-raba’ staġun tiegħi f’dan l-isport.
X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?
Dejjem kelli interess f’dawn it-tipi ta’ sports mhux tradizzjonali u jien miftuħ ħafna biex nisfida lili nnifsi u minħabba l-isfond ta’ ġinnastika, stajt naqbad ċerti kunċetti ta’ dan l-avveniment tekniku aktar faċli milli kieku kont. Dak it-titjib rapidu u l-inkoraġġiment mill-kowċ Jivko Jetchev qabbadni ma’ dan l-isport pjuttost malajr.
Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?
Missieri, Mario Bonello, dejjem ispirani biex nistinka u nimpenja ruħi biex nikseb l-aħjar li nista’ f’kull tip ta’ sport, innissel valuri sportivi u kompetittivi, madankollu naħseb li fil-fond hu dejjem riedni nidħol fil-qasam tal-atletika. Fi ħdan il-qasam, inħares ħafna lejn il-leġġendi tal-lasta, Mondo Duplantis, Sergey Bubka u EJ Obiena li jispirawni.
X’tikkummenta fuq is-suċċess uniku li ksibt nhar is-Sibt 20 ta’ April 2024?
Fil-bidu tal-istaġun 2024, il-fokus tagħna kien fuq li nistabbilixxi teknika aħjar fil-qabżiet, bi ħsieb importanti li din it-teknika ma tintilifx meta nitilgħu fuq lasti iktar iebsin. Anke jekk il-lasti iebsin joffru potenzjal ta’ qabża ogħla, huma jippreżentaw ukoll diffikultà ikbar fil-kontroll. Għalhekk, il-qabża ta’ 4.80m li akkwistajt is-Sibt, 20 ta’ April, hija “milestone” sinjifikanti li tikkonferma lili u lit-tim ta’ kowċis tiegħi li qed nimxu fit-triq it-tajba biex inkabbru l-lasti u sabiex nimmiraw għall-marka li jmiss: dik tal-5m.
Liema unuri prinċipali irnexxielek tiskeb fil-karriera tiegħek?
Tul il-karriera tiegħi, sa issa, irnexxieli nikseb rekords fil-kategoriji kollha tal-età tiegħi, inkluż dak tal-kategorija ‘open’. Madankollu, inħoss li jien ‘il bogħod mill-quċċata tiegħi u hemm ħafna aktar li ġejjin. Jien l-aktar onorat li s’issa rrappreżentajt lil pajjiżi numru ta’ drabi; fil-Logħob tal-ISF, il-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-18-il sena f’Ġerusalemm, is-CSSE u l-iktar riċenti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’pajjiżna stess matul is-sena li għaddiet.
Liema kienu l-aħjar riżultati tiegħek sa issa?
Fiż-żmien qasir li kelli fl-isport, inħossni kburi li ksirt ir-rekord nazzjonali li ilu ta’ 4.25m fl-open pole vault stabbilit minn Stefan Mohnani fis-sena 2000. Issa, li għandi l-aħjar personali attwali ta’ 4.61m, nimmira li nkompli niżdied l-istandard Malti fil-pole vault fis-snin li ġejjin.
Il-media tagħtikom biżżejjed exposure, jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
Minn dak li stajt nara, kien hemm ħafna xogħol promozzjonali sabiex jippromwovi l-isport, partikolarment fuq il-media soċjali għal Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Dan żgur ġab l-attenzjoni tal-ġurnalisti li qed isegwu l-isport tagħna partikolarment meta jkun hemm riżultati li jiswew l-attenzjoni tagħhom. Naturalment, bil-Logħob importanti tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’Malta, ingħatat aktar attenzjoni lejn l-isports li inwerew f’dawn il-logħob. Tali attenzjoni ġġib magħha wkoll sens akbar ta’ stennija mill-pubbliku għalina l-atleti biex nagħmlu prestazzjoni f’livell ogħla. Inħoss li filwaqt li din tista’ titqies bħala pressjoni mhux mixtieqa biex inwettaq, naraha bħala sfida li nimbotta aktar il-konfini tiegħi hekk kif nipprepara biex nikkompeti u biex nipprova ntejjeb ir-riżultati tiegħi stess.
Għandek xi ħolma partikolati li tixtieq tikseb fl-atletika?
L-għan tiegħi hu li nistabbilixxi standard għoli f’dan l-avveniment li qatt ma ngħata ħafna attenzjoni fil-gżejjer Maltin u b’hekk forsi nispiċċa nħajjar atleti oħra li għadhom ta’ eta zgħira sabiex jipprovaw dan l-isport differenti. Il-ħolma tiegħi hi li nkun l-ewwel Malti li naqbeż il-5m u li navviċina il-marka tas-6m, li hemm biss 28 atleta li qatt qabżu iktar minn hekk f’kull ħin. Naħseb li l-ħolma Olimpika hija wkoll waħda li ġġiegħel lil ħafna atleti inkluż lili nnifsi biex inkomplu nimbottaw.
Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom, huma wkoll il-ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni bejnitekom l-atleti. Il-kummenti tiegħek.
Fil-każ tiegħi, peressli jien l-uniku kompetitur maskili fil-livell tiegħi f’Malta, ma tantx nesperjenza dak is-sens ta’ kompetittività lokalment. Wara li ksibt ir-rekord nazzjonali lokali, m’għandi l-ebda marka speċifika lejn xiex nimmira, għalhekk l-għan tiegħi huwa dejjem lejn marki ta’ kwalifika ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali. Għamilt bosta ħbieb fis-settur internazzjonali u dak li rajt huwa sens akbar ta’ komparaderija fl-atleti tal-pole vault mill-biċċa l-kbira ta’ avvenimenti oħra fl-atletika. Għalkemm natura kompetittiva hija importanti, naħseb li bħala komunità daqshekk żgħira tal-lasta madwar id-dinja, il-partikolarità ta’ karattru li wieħed irid ikollu biex jipprattika dan l-avveniment jirriżulta f’komunità unifikata ħafna.
X’kompetizzjonijiet prinċipali se tkun qed tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Sa issa, kkwalifikajt sabiex nirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati tal-Balkani ta’ taħt l-20 sena li ser isiru f’Awwissu li ġej. Ukoll, il-pjan huwa sabiex nikkompeti lokalment sabiex nipprova inkompli ntejjeb ir-rizultati tiegħi biex potenzjalment nikkwalifika biex nikkompeti fil-Kampjonati Dinjija tal-Atletika ta’ taħt l-20 sena.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jibdew jieħdu bis-serjetà l-atletika.
Inħeġġeġ bis-sħiħ lil kull min qed jikkunsidra bis-serjetá t-taħriġ tal-atletika. Il-ħeġġa biex tintlaħaq il-perfezzjoni sportiva: li tagħmel dik il-qabża perfetta, dik il-ġirja perfetta jew dik it-tefgħa perfetta fejn il-ġisem tal-bniedem jaħdem f’sinkronizzazzjoni perfetta man-natura u l-kisba meta tagħmel l-aħjar personali, jew tikser rekord huwa ta’ sodisfazzjon kbir!