Saturday, December 21, 2024

L-emozzjoni tal-immigranti malli jiġu salvati – “bikja”, “tgħanniqa” jew “bewsa lill-bastiment”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem fil-Mediterran seħħew għadd ta’ salvataġġi ta’ immigranti. Realtà kontinwa, li minkejja kull tip ta’ paroli u dikjarazzjonijiet tibqa’ għaddejja u magħha l-imwiet fil-Mediterran. Illum il-kriżi umanitarja fil-Mediterran qiegħda għandha xejra differenti minn dik ta’ ftit snin ilu. Illum apparti mil-Libja, id-dgħajjes qegħdin jitilqu ukoll mit-Tuneżija u l-Marokk.

Illum għandna sitwazzjoni fejn is-salvataġġi mhux jitwettqu b’mod immedjat. Bastimenti merkantili jibqgħu għaddejjin kemm meta jaraw dgħajjes u anke meta jintalbu jassistu. Dan minkejja l-prinċipju sagrosant ta’ salvataġġ fuq il-baħar ta’ dgħajsa li tkun f’diffikultà. L-awtoritajiet tas-salvataġġ ukoll mhux iwettqu salvataġġi immedjati. Għandna sitwazzjoni fejn immigranti abbord dgħajjes jitolbu l-għajnuna u jibqgħu hemm f’nofs ta’ baħar. Jistennew li jew jaslu jew li xi ħadd isalvahom. Oħrajn jispiċċaw f’idejn il-Gwardji Libjani u jerġgħu jittieħdu lura fid-detenzjoni. Din tfisser lura għat-tortura, persekuzzjoni u skjavitù. Din hi sitwazzjoni li qed iseħħ bil-politika ta’ fortizza Ewropea. Politika li qegħdin imexxuha l-pajjiżi kollha Stati membri tal-Unjoni Ewropea. Politika li żiedet l-imwiet u s-sofferenzi.

Politika li qiegħda turi li minkejja kull dikjarazzjoni miktuba, minkejja charters, konferenzi u summits, mhux minnu li l-aspett uman hu prijorità. L-aspett uman jintuża biss għal skop ta’ slogans jew għal messaġġi partikolari. Kieku l-aspett uman hu verament għal qalb l-Istati Ewropej u l-istess Unjoni Ewropea, kieku dawn il-vulnerabbli ma jitħallewx f’nofs ta’ baħar. Ma jitħallewx jgħerqu. Illum qegħdin nitkellmu fuq aktar minn 50,000 persuna mgħarrqa fil-Mediterran mis-sena 1990 ‘l hawn.

U r-realtà tal-vjaġġi ma tibdiex mal-vjaġġ bil-baħar. Tibda ferm u ferm qabel. Tibda mill-pajjiżi minn fejn telqu. Xhur bla irqad b’mod trankwill. Xhur ta’ vjaġġar minn pajjiż għal iehor xi drabi snin. Ħin twil bejn sema u ilma ippakkjati f’dgħajsa. F’ċertu każijiet imxarrbin għasra bil-mewġ. F’każijiet oħrajn maħruqin bix-xemx. Xi wħud kienu sa nofs qaddhom fl-ilma għax id-dgħajsa kienet qed tagħmel l-ilma. 

Quddiem dawn ir-realtajiet, L-ORIZZONT kien għamel kuntatt ma’ volontarji li qed jaħdmu ma’ Medecins Sans Frontieres abbord il-bastiment Argos u tkellimna magħhom dwar l-emozzjonijiet ta’ dawn il-persuni fil-mument li jkunu salvati.  Meinie Nicolai, infermiera li qiegħda abbord l-MSF ‘Argos’ tgħidilna bla tlaqlieq li “hemm emozzjonijiet diversi. Jinfexxu f’bikja. Oħrajn jitgħannqu. Ibusu il-bastiment kif jitilgħu fuqu. Kant ta’ ferħ u tbissima kif jaraw l-Italja fuq ix-xefaq. Emozzjonijiet qawwijin”.

Meinie Nicolai, hi infermiera li qiegħda abbord l-MSF ‘Argos’ – bastiment immexxi minn Medecins Sans Frontieres u li qiegħed f’ħidma biex isalva immigranti fil-Mediterran. Menie hi l-President ta’ MSF tal-Belġju u tad-Direttorat Operazzjonali fi Brussel.

Meta tkellmet ma’ L-ORIZZONT qaltilna li “wara li jkunu salvati, jħossuhom grati għal dak li jkun sar. Kellna ammont ta’ tfal li salvajna. Il-kundizzjoni tagħhom kienet pjuttost tajba.  Imma l-impatt ta’ ivvjaġġar twil u skabruż ikun jinħass fihom. Anki fost l-irġiel u n-nisa tara l-għejja li jkunu qed isofru minnha”.

Nistaqsuha fuq l-emozzjonijiet ta’ meta minn fuq id-dgħajsa li jkunu telqu biha mil-Libja jitilgħu għal fuq il-bastiment Argos. Meinie tgħidilna li “emozzjonijiet qawwija. Ivarjaw. Kellna każijiet fejn dawk salvati kif telgħu abbord il-bastiment Bourbon Argos infexxew f’bikja.  Kellek oħrajn jibdew jitgħannqu ma’ familjari u ħbieb tagħhom  hekk kif jirfsu fuq id-dgħajjsa. Tara nies li fil-mument li jirfsu fuq il-bastiment tagħna jieqfu u jbusuh. 

Mumenti emozzjonali. Tara it-tbatija li għaddew minnha. It-tensjoni li kienu fiha – li jafu li jistgħu ma jaslux l-art.  Ikollok oħrajn li bl-għejja jispiċċaw reqdin wara li jkunu ġew salvati.  Hemm l-emozzjoni ta’ meta jaraw l-art minn fuq il-bastiment salvat. Ħafna minnhom għamlu xhur jivvjaġġaw f’perikli kontinwi. Kif jaraw l-art Taljana fuq ix-xefaq jibdew jitolbu, ikantaw bil-ferħ u jirringrazzjawna li salvanihom. Fl-art imbagħad għamlu sessjoni ta’ talb flimkien”.

L-aħħar salvataġġ ta’ immigranti li wettqu kien dak ta’ 477 immigrant, b’ħafna minnhom ikunu mis-Somalja, Eritrea u Bangladesh.   Fost dawn kien hemm xi każijiet urġenti u serji, fosthom mara li kellha żewġ iswaba mgħaffġin. F’dak is-salvataġġ saru madwar 100 konsulta medika.

‘Qed niktiblek biex nirringrazzjak’ – l-ittra ta’ Golleh

Tispikka l-ittra ta’ Golleh, immigrant mill-Gambja u li llum jinsab fiċ-ċentru ta’ Pozzallo, liema ittra inkitbet biex jirringrazzja lil ħaddiema ta’ Medecins Sans Frontieres għax-xogħol tagħhom. 

Lil waħda mill-psikoloġisti fiċ-ċentru ta’ Pozzallo, Golleh ma jonqosx li jgħidilha li “mindu miet missieri fis-sena 2011, intom kont l-ewwel  persuna  li ħadt ħsiebi”.  Kien dakinhar stess li Golleh, poġġa bilqiegħda għall-ftit ħin għal kwiet u kiteb ittra lit-tabiba li tatu l-ewwel kura hemm kif tniżżel f’Pozzallo.

L-ittra tgħid li “Anna, irrid nirringrazzja lilek u lin-nies ta’ Pozzallo – it-tobba b’mod partikolari. Illum kienet il-ġurnata li jien iltqajt maż-żija li ġiet tarani.  Kuntent ħafna.  Qed nikteb din l-ittra biex nirringrazzjakom. Rajt ir-rispett li urejtu lejn il-bniedem.  Tajtu l-kura f’waqtha lil min kien ma jiflaħx. Għamiltu dan bi tbissima. Ridtuna li nkunu tajbin u nieħdu saħħitna mill-ġdid. Għal dan nirringrazzjak u nitlob għalik”.

Meta niżel f’Pozzallo Golleh kien qed ibati minn uġiegħ f’żaqqu.  It-tabiba wara li eżaminatu rat li kellu infezzjoni u li għal xhur sħaħ ma kinitx trattata. Kors ta’ antibiotiċi wassal biex hu beda jħossu ħafna aħjar. Il-vjaġġi u dak li ra ma wiċċu wassluh biex dawn ħallew marka fuq l-istat mentali.  Hu beda jingħata appoġġ minn żewġ psikoloġisti.

Golleh kien jgħix fil-Gambja ma’ ġenituri adottivi.  Mietu ħabta u sabta u hu ġie mċaħħad mill-wirt. Spiċċa emarġinat. Jgħix waħdu u fil-faqar. Iddeċieda li jitlaq mill-Gambja. Telaq lejn is-Senegal fejn għamel ħames xhur  u minn hemm mar il-Mawritanja fejn għamel madwar sena qabel beda l-vjaġġ lejn il-Libja. Ma kellux 500 Dinar Libjan biex iħallas il-vjaġġ lejn il-Libja u minħabba dan kellu jagħmel xogħol sfurzat biex iħallas għall-vjaġġ.  Kienu ġimgħat li fi kliem u stess ‘kien imsawwat u bl-azzarini ippuntati lejh”. Finalment spiċċa l-Libja u fuq dgħajsa bid-direzzjoni lejn l-Ewropa.

Ekonomija

Sport