Monday, May 13, 2024

L-Enemalta ssewwi 45 ħsara fin-netwerk ta’ vultaġġ għoli

… tkompli b’ħidma 24 siegħa kuljum sabiex tindirizza ħsarat kawża tal-mewġa ta' sħana

Aqra wkoll

B’ħidma kontinwa għall-aħħar sebat ijiem, timijiet tekniċi tal-Enemalta sewwew 45 ħsara li żviluppaw fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, ikkawżati mill-mewġa ta’ sħana li laqtet lil pajjiżna l-ġimgħa l-oħra.

Bi sforzi kontinwi, il-kumpanija diġà sewwiet 45 minn 64 ħsara f’cables ta’ vultaġġ għoli u t-tiswijiet komplew it-Tnejn filgħodu. Mal-għaxart elef siegħa ta’ xogħol ġew iddedikati għal proċessi delikati ta’ tiswijiet ta’ cables.

Il-Ħadd filgħaxija, it-timijiet tekniċi assistew ukoll biex jagħtu l-provvista tal-elettriku lura lill-konsumaturi affettwati mill-aktar fis, hekk kif żviluppaw 5 ħsarat oħra fin-network ta’ vultaġġ għoli f’żoni differenti madwar Malta.

Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, il-provvista tal-elettriku setgħet tingħata lura minn rotot alternattivi, bil-maġġoranza taż-żoni affettwati jieħdu l-provvista lura f’temp ta’ inqas minn tliet sigħat.

F’parti minn Ħad-Dingli, il-provvista ma setgħetx tingħata lura qabel ma tlestew it-tiswijiet neċessarji fuq ħsarat li nqalgħu matul il-lejl. F’partijiet miż-Żejtun, fejn kien possibbli, il-provvista ngħatat lura minn standby power generating system. Il-provvista tal-elettriku lil parti lokalizzata minn din l-istess lokalità ser tingħata lura hekk kif jitlestew it-tiswijiet neċessarji.

F’wieħed mill-każijiet ta’ ħsarat li żviluppaw tul il-lejl tal-Ħadd, ħareġ duħħan minn ħsara li żviluppat f’termination ta’ cable. Is-sistema ta’ protezzjoni tal-cable immedjatament iżolat il-parti tal-cable li sofra ħsara, biex jiġi evitat li ssir iktar ħsara lis-substation. L-ebda tagħmir ieħor apparti mill-cable termination ma ġratilha ħsara waqt dan l-inċident.

Tekniċi u Inġiniera tal-Enemalta waslu fuq il-post f’temp ta’ 15-il minuta mill-inċident, flimkien ma’ ħaddiema tal-protezzjoni ċivili. Hekk kif ġiet identifikata l-ħsara, is-substations konnessi mal-istess ċirkwit li setgħu jinxtegħlu b’mod sigur, inxtegħlu. B’mod immedjat, inbdew ix-xogħlijiet ta’ tiswija fuq ittermination, u l-provvista tal-elettriku ngħatat lura fiż-żoni l-oħrajn affettwati fl-istess lejl.

Tekniċi oħrajn għaddejjin b’ħidma kontinwa biex jindirizzaw diffikultajiet li jirrappurtaw konsumaturi fuq is-sistema ta’ vultaġġ baxx, li twassal il-provvista tal-elettriku mis-substation sal-konsumaturi. Dawn il-ħsarat jolqtu żoni lokalizzati, bħal konsumaturi individwali, binjiet u toroq.

Id-Direttur Eżekuttiv tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni, l-Inġ. Steve Farrugia qal li tul din laħħar ġimgħa, timijet tekniċi sewwew numru ta’ ħsarat li żviluppaw fis-sistema ta’ vultaġġ għoli.

“Permezz ta’ riżorsi addizzjonali, qegħdin nagħmli l-almu tagħna biex insewwu l-ħsarat li żviluppaw mill-aktar fis, sabiex nerġgħu niksbu r-reżiljenza u l-flessibiltà finnetwork tagħna fl-iqsar żmien possibbli. Il-ħidma ta’ tiswijiet fuq dawn il-ħsarat ser tkompli għaddejja 24/7 sakemm jissewwew il-ħsarat kollha li żviluppaw f’din is-sistema.”

Konsumaturi li jesperjenzaw ħsarat simili għandhom jinfurmaw lill-Enemalta direttament u jirrapurtaw il-ħsara billi jċemplu lit-tim tal-Customer Care tal-Enemalta fuq 8007 2224 jew billi jċemplu s-Servizz.Gov Helpline 153.

Enemalta qiegħda tuża sistema ta’ notifiki permezz ta’ SMS biex iżżomm konsumaturi li huma rreġistrati aġġornati fuq ħsarat u tiswijiet li jaffettwaw il-provvista tal-elettriku tagħhom.

Il-pubbliku jista’ jirreġistra għal dan is-servizz billi jibgħat SMS fuq in-numru 79052492, bin-numru tal-karta tal-identità.

Sport