Ħaddiema tal-Enemalta baqgħu għaddejjin bix-xogħol anke matul il-lejl biex jagħtu l-provista tal-elettriku lil partijiet minn San Ġiljan u l-Gżira f’Malta, u l-Għasri, l-Għarb, San Lawrenz u Kerċem, f’Għawdex.
L-Enemalta tgħid li matul il-lejl li għadda beda x-xogħol biex jissewew l-ħsarat fuq cables ta’ vultaġġ għoli.
Fiż-żona tal-Gżira żviluppaw żewġ ħsarat fuq cables ta 33kV li huma sorsi importanti fin-network tad-distribuzzjoni f’din iż-żona. F’Għawdex qed jiġu indirizzati 3 ħsarat fuq cables fiż-żona tal-Għasri li qiegħdin jissuplixxu ż-żoni tal-madwar.
Kull fejn tista’ l-Enemalta taghti l-elettriku minn sorsi alternattivi sakemm dawn il-ħsarat jiġu indirizzati.
Il-provvista tal-elettriku f’partijiet minn San Ġiljan, Il-Gżira, l-Għasri, l-Għarb, San Lawrenz u Kercem, ser tingħata lura hekk kif jitlestew dawn ix-xogħlijiet. Dawn il-ħsarat iżolaw lill-postijiet imsemmija mill-bqija tal-grid u ħolqu diffikultajiet biex tingħata l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi kollha affetwati.