Il-kumpanija Enemalta qed taħsibha jekk tiftaħx kawża kontra l-vapur li f’Diċembru li għadda ikkaġuna ħsara fl-interconnector mhux għall-ħsara fiha nnifisha imma għall-konsegwenzi tagħha.
Kien il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia li stqarr dan fil-Parlament wara li kien mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista David Agius fiex wasal il-każ.
L-istħarriġ li sar mill-vapur Polar King għall-Enemalta ikkonkluda li kienet ankra ta’ bastiment li ikkaġunat il-ħsara li ħalliet lill-pajjiż għal diversi siegħat bla dawl.
Farrugia beda biex faħħar lill-ħaddiema tal-Enemalta li sewwew il-ħsara f’temp ta’ tliet xhur meta kien maħsub li t-tiswija setgħet tieħu d-doppju taż-żmien.
Huwa spjega kif il-kumpanija tal-assikurazzjoni tal-Enemalta ħarġet l-ispejjeż u kellha tfittex lill-vapur jew lill-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu għall-ħlas.
Kien hawn li Farrugia semma kif issa l-Enemalta qed taħsibha jekk tiftaħx permezz tal-kumpanija tal-assikurazzjoni tfittex lill-vapur għall-fatt li minħabba l-qtugħ tad-dawl kellu jintuża l-‘gasoil’ li jħammeġ aktar mil-LNG.
Dwar il-possibilita tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija huwa beda biex għamilha ċara li pajjiżna xorta jkollu bżonn mezz ieħor ta’ kif jiġġenera l-elettriku għax dak li nixtru mill-interconnector jiddependi minn jekk l-Italja jkollhix dawl x’tagħtina għax jekk le ma tkunx tista’ tagħtina u jekk ikollha ftit tista’ titlob prezz għoli.
Farrugia semma wkoll li huwa perikoluż li tagħmel interconnector eżatt ħdejn dak li hemm għax jekk jiġri inċident ieħor simili għal dak ta’ Diċembru anke dan isofri ħsara.
Huwa żied li ġiet evalwata wkoll il-possibilità li jsir interconnector ma’ Franza u l-Greċja imma peress li hemm il-baħar huwa fond ma tistax tidfnu taħt wiċċ qiegħ il-baħar u għalhekk ikun espost għall-elementi tan-natura u xi inċident.