Wednesday, December 25, 2024

L-Enemalta u l-Università ta’ Malta bi ftehim għall-kooperazzjoni fi programmi ta’ riċerka fl-oqsma tal-enerġija

Aqra wkoll

Ftehim iffirmat bejn Enemalta u l-Università ta’ Malta huwa mistenni li jsaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewg entitajiet biex, fost oħrajn, tiżdied il-koperazzjoni fi programmi ta’ riċerka li jkunu qed isiru fl-oqsma tal-enerġija fil-Fakultà tal-Inġinerija.

Barra minn dan, dan il-Memorandum ta’ Ftehim ser ikun ta’ benefiċċju għall-istudenti minħabba li permezz tiegħu se jkunu esposti għal dawn l-esperjenzi tal-inġinerija marbuta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku kif ukoll mas-sistema kumplessa tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Dan il-ftehim ser iwitti t-triq biex studenti tal-inġinerija jingħataw esperjenzi prattiċi f’dan il-qasam u eventwalment jaf ikun l-ewwel tarġa biex jibdew karriera mal-Enemalta.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Università ta’ Malta, il-Fakultà tal-Inġinerija, u Enemalta, fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.

“Is-settur tal-enerġija għandu sfidi u opportunitajiet; u koperazzjoni fir-riċerka bejn Enemalta u l-Università  għandha tisfrutta dawn l-opportunitajiet. Enemalta diġà għandha ftehim simili mal-MCAST u grazzi għal dan il-ftehim tal-lum qed inkomplu nsaħħu s-sinerġija mal-istituzzjonijiet edukattivi”, spjegat il-Ministru Dalli.

Il-Ministru tkellmet ukoll dwar kif anke permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Gvern qiegħed jagħti importanza lil dawn il-ftehimiet li jintlaħqu kemm mal-entitajiet pubbliċi u mas-settur privat. Dan huwa mezz ieħor li jqarreb lill-istudenti lejn id-dinja tax-xogħol, u dawn il-kollaborazzjonijiet iwasslu biex l-istudenti jkollhom esperjenza edukattiva sħiħa ta’ teorija u kif ukoll prattika.

Iċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Jonathan Scerri, qal li Enemalta tħares ‘il quddiem biex timplimenta dan il-ftehim li se jwassal għal relazzjoni produttiva bejn l-istudenti tal-inġinerija u inġiniera u tekniċi ta’ Enemalta b’esperjenza. Dan se jseħħ permezz ta’ opportunitajiet ta’ esperjenzi ta’ xogħol għall-istudenti tal-inġinerija.

Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, sejjaħ dan il-ftehim bħala sħubija naturali għall-Fakultà ma’ Enemalta, li għandha l-faċilitajiet u l-esperjenza fil-qasam tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku. Il-Professur Vella semma’ l-importanza li l-istudenti jkunu esposti għat-teknoloġija f’dan is-settur u saħaq dwar l-importanza li l-Università tkompli tipprovdi inġiniera, u qal li eventwalment dan iwassal biex Enemalta ssib it-talent li teħtieġ.

Ir-Rettur tal-Università qal li jara skop ta’ kooperazzjoni fuq dan il-livell bejn Enemalta u fakultajiet oħra, fosthom dik tax-Xjenza fl-isfond li għall-quddiem qiegħed jiġi propost l-użu tal-idroġenu għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.

Ekonomija

Sport