Minn Cristian Muscat
Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor?
Meta kont iżgħar, kont suldat fl-armata ta’ Malta. Fiż-żmien tar-reklutaġġ, parti mit-taħriġ tagħna kien li nibdew b’ġirja. Dak iż-żmien kienu għadhom ma daħlux ħafna t-tlielaq fil-kulturá tagħna imma b’xi mod, bqajt nipprattika l-ġiri fejn kont nieħu sehem mal-kumpanija tiegħi f’diversi kompetizzjonijiet li kienet torganizza l-armata bejn il-kumpaniji u r-riġmenti tagħha, sakemm waqaft għal xi żmien meta rtirajt mill-armata. Dejjem bqajt ngħid li jekk nerġa’ nsib iċ-ċans, nerġa’ nibda niġri. Il-ħajja tatni ċans ieħor, u ħadtu!
Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?
Bdejt nipprattika l-ġiri regolarment meta kelli 46 sena. Wara xi zmien niġri waħdi, ingħaqadt ma’ Evolve Endurance Club fejn sibt il-gwida ta’ kowċ b’esperjenza twila fil-ġiri, Has Kesra, li għadu jiggwidana sal-lum. Bis-saħħa tal-gwida tiegħu, irnexxieli ntejjeb ħafna l-ħinijiet tiegħi f’diversi distanzi kif ukoll intejjeb it-teknika. Issa ilni qrib tmien snin nipprattika l-ġiri. Bħalissa niġri madwar ħames darbiet fil-ġimgħa barra sport ieħor li nipprattika, bħall-għawm u ‘strength training’ li jikkumplimentaw il-ġiri u jsaħħuk barra li jipprevenu milli nweġġa’.
X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?
Jien għandi tewmin ta’ 22 sena li għandhom bżonnijiet speċjali jew differenti minna. Il-limitazjonijiet tagħhom, iġiegħluni nagħmel ħafna affarijiet li lanqas kont qatt ħsibt li kelli nagħmilhom. Ridt insib xi ħaġa li żżommni f’saħħti, li nista’ nkompli nieħu ħsiebhom kif jixraq billi issa kibru iżjed minni. Fil-ġiri, sibt ħafna iktar minn hekk. Minbarra li jżommni f’saħħti, il-ġiri jagħtini ħin li nista’ naħseb, ħin għalija li wara ġurnata xogħol tħalli l-istress tal-ġurnata fit-triq u nkun nista’ mmur inkompli mal-familja b’moħħi frisk.
Bis-saħħa tal-ġiri, sibt ukoll grupp ta’ ħbieb li llum inqishom it-tieni familja tiegħi, fejn niġru u ngħinu lil xulxin barra li norganizzaw ħafna avvenimenti oħra bħal trekking u nieħdu sehem f’diversi maratoni barra minn Malta flimkien.
Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?
Matul iż-żmien, il-kulturá inbidlet u fuq il-media soċjali, bdejt nara ħafna ħbieb li kont naf li bdew jieħdu sehen f’diversi tlielaq. Kelli ħabib li kellna band flimkien, kien qabad jittrenja għan-Nofs Maratona ta’ Malta u qabel ir-rehearsals li konna nagħmlu kien jgħidli li sejjer jiġri. Kien irnexxielu jagħmel in-Nofs Maratona f’ħin tajjeb u qisu x’ħin rajt is-sodisfazzjon fuq wiċċu u qagħad jispjegali l-esperjenza, għidt lili nnifsi li la ndoqqu u nixorbu l-birra flimkien, nistgħu niġru flimkien ukoll!
Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?
Unuri fil-karriera tiegħi ftit li xejn ksibt. Kif għidtlek, bdejt nipprattika l-ġiri ta’ etá mhux żgħira imma dan ma jfissirx li ma nippruvax nagħmel l-almu tiegħi kollu biex intejjeb lili nnifsi, fejn kull tellieqa fiha l-esperjenza tagħha li minnha dejjem nitgħallem xi ħaġa. Li ntejjeb il-ħinijiet li nkun ġrejt qabel għalija huma l-unuri tiegħi.
Il-media tal-isport f’pajjiżna tagħtikom bizzejed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
Din hija l-ewwel intervista tiegħi relatata mal-isport. Il-media għandha saħħa kbira u tista’ tkun influwenti biżżejjed biex hawn Malta indaħħlu kulturá ta’ sport. Għandha tippromwovi iktar il-maratoni maġġuri u tlielaq oħra li jsiru hawn Malta u tħeġġeġ lill-pubbliku jattendi biex jew jipparteċipa jew jagħti sapport lill-atleti li jkunu qed jieħdu sehem, fejn dawn ikunu avvenimenti nazzjonali barra li kull belt jew raħal jorganizza ġirjiet jew avveniment sportivi oħra li jħeġġu tfal żgħar jipparteċipaw u tibda tinżergħa żerriegħa fejn li tkun sportiv huwa stil ta’ hajja li jżommok b’saħħtek.
Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?
Bħalissa qiegħed nipparteċipa fis-‘Super Halfs Marathon Series’ li huma grupp ta’ sitt itlielaq madwar l-Ewropa li trid tagħmilhom fi żmien ħames snin. Nixtieq ħafna li nesperjenzahom kollha flimkien ma’ sħabi u wara nkompli nesperjenza tlielaq oħrajn barra minn xtutna, għax hawn Malta nieħu sehem f’diversi tlielaq.
Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.
Kompetizzjoni ġenwina hija b’saħħitha. Xi kultant inkun quddiem jien u xi kultant huma imma bis-saħħa t’hekk wieħed jitjieb. Sħabek jew il-kompetituri iġiegħluk tagħti l-aħjar xi kultant mingħajr lanqas biss ikunu jafu. F’ġirjiet twal bħalma nieħu sehem fihom jien, timmarka atleta quddiemek u tgħid lil dak jew dik irrid naqbiżha u tibqa’ taqbeż atleta wara ieħor sa ma tasal fl-aħħar sprint li ħafna drabi hemm l-atleti jagħtu kollox, imma kif taqbeż il-linja finali toħrog idek u tifraħ ma’ min jinzerta jkun daħal miegħek jew ftit qablek jew ftit warajk. U dak hu s-sabiħ tal-isport!
X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Kif għidtlek qabel, nixtieq li nlesti dawn is-sitt tlielaq li bdejt. S’issa għadni kif lestejt l-ewwel waħda, Berlin, li kienet esperjenza massiva flimkien ma’ grupp ta’ atleti mill-club Evolve u xi 35,000 atleta ieħor minn madwar id-dinja. Iktar tard din is-sena, se nieħu sehem ukoll fil-Half Marathon ta’ Cardiff.
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.
Li tkun sportiv huwa stil ta’ ħajja! Ħafna drabi ma napprezzawx biżżejjed l-affarijiet li kapaċi nagħmlu b’mod naturali. L-energija li taħli fl-isport hija tabilħaqq investiment għal ħajtek! L-atletika bħal ħafna sport ieħor, iġġiegħlek tgħix ħajja sana, ħafna drabi ‘l boghod mill-vizzji, li tlaqqgħek ma’ ħafna ħbieb ġodda li magħhom tesperjenza memorji indimentikabbli. U dawk il-memorji xi darba jsiru stejjer li jkunu parti sabiħa ħafna mill-ktieb ta’ ħajtek, u li dan il-ktieb jibqa’ jimtela b’dawn l-esperjenzi sbieħ li tibqa’ tirrakkonta tul ħajtek kollha!